Seba’ libreriji reġjonali u għaxar djar tal-anzjani ser jibbenefikaw minn żieda ta’ kotba fil-kollezzjoni tagħhom bis-saħħa ta’ għajnuna finanzjarja minn Aġenzija Komunità Malta li tlaħħaq mal-għaxart elef ewro.
Għaldaqstant, mistennija li jinxtraw kotba għal persuni bi ħtiġijiet speċjali biex b’hekk il-libreriji jkunu jistgħu joffru kotba addattati kif spjegat il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Cheryl Falzon.
Falzon stqarret, “Id-donazzjoni ħa tintuża biex jinxtraw kotba kemm large print, ikunu bit-tipa kbira, kotba braille, kotba graphic novels, level readers, kotba awdjo u kotba ukoll li jkunu dyslexic friendly.”
Dawn il-kotba ser jkunu jistgħu jiġu mislufa fil-libreriji pubbliċi tal-Birgu, Birkirkara, Ħal Luqa, il-Mosta, Raħal Ġdid, Ħal Qormi u r-Rabat, Malta.
Apparti mix-xiri ta’ kotba għal dawn il-libreriji ser jinxtraw ukoll kotba għat-tfal li jgħixu f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera flimkien ma’ dawk li ser imorru għand għaxar Djar tal-Anzjani madwar il-pajjiż.
Din l-għajnuna qed tasal minn dħul relatat ma’ ċittadinanza għal servizzi eċċezzjonali b’investiment.
Il-Kap Eżekuttiv responsabbli minn Aġenzija Komunità Malta li qed tieħu ħsieb dan il-programm, stqarr kif l-aġenzija għandha dmir li trodd lura lejn il-komunità u dan huwa eżempju ħaj ta’ kif qed tagħmel dan.
Joe Mizzi spjega, “L-Aġenzija Komunità Malta għandha obligu statutorju illi mid-dħul li ddaħħal ta’ investiment li persuni jagħtu biex jakkwistaw iċ-ċittadinanza b’investiment, b’servizzi eċċezzjonali li tagħti sapport finanzjarju għal inizjattivi filantropiċi.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat stqarr kif il-ħsieb wara ix-xiri ta’ dawn il-kotba partikolari huwa li jkompli joħolqu komunità aktar inklussiva.
Muscat irrimarka, “L-intenzjoni hija li minn naħa nattiraw l-investiment u qed naraw li dak l-investiment inwassluh direttament fil-komunitajiet tagħna u kulħadd fil-komunità għandu jibbenefika minn dan l-investiment, allura ħa jkunu kotba aċċessibbli għal kulħadd.”