Is-sena li għaddiet naqsu b’sebgħa fil-mija r-rapporti li daħlu għand l-Ombudsman Parlamentari.
Irrapurtat dan il-gażżetta Kullħadd, fejn fir-rapport annwali tiegħu, l-Ombudsman jikteb li fl-elfejn u sbatax daħlu għandu ħames mija u għoxrin każ bil-maġġoranza minnhom ssolvew bil-kelma t-tajba.
Filwaqt li l-maġġoranza tar-rapporti kienu jaqgħu taħt l-Ombudsman Parlamentari, tlieta u tmenin każ marru quddiem il-Kummissarju għas-Saħħa u tnejn u sittin quddiem il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Il-Kummissarju għall-Ambjent kellu disgħa u tletin każ, bi tnaqqis sostanzjali ta’ erbgħa u tletin fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman żied jgħid ukoll li kull meta jkun hemm elezzjoni ġenerali, jonqsu r-rapporti u jipprovdi tabella biex juri dan.
Iżda, fuq kollox, hemm konklużjoni ċara kristall – dik li n-numru ta’ każi li marru għand l-Ombudsman jinsab fl-inqas livelli.
Nofs l-ilmenti li daħlu għand l-Ombudsman huma marbuta ma’ allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ bilanċ jew ġustizzja.
Warajhom isegwu dawk li lmentaw dwar dewmien jew nuqqas ta’ azzjoni f’każ li jkun jirrigwarda lilhom u għalhekk ikun wassal għal ċertu inġustizzja.
Jirriżulta li l-maġġoranza tal-każi jissolvew b’azzjoni informali. Dan isir permezz ta’ komunikazzjoni mill-uffiċċju tal-Ombudsman u l-awtorità taġixxi.
Intant, fl-elfejn u sbatax kienu erba mija erba u tmenin in-numru ta’ talbiet għall-informazzjoni.