Seba’ clubs sportivi jirċievu l-Healthy Club Quality Mark bħala parti mill-proġett Move Transfer li sar b’kollaborazzjoni bejn SportMalta, SUS (Sport Union of Slovenia), l-ISCA u l-organizzazjoni BE Active fil-Bulgarija. ISCA nediet dan il-programm tliet snin ilu u nvolviet aktar minn 20 organizzazzjoni u appoġġjat l-iżvilupp ta’ 25 inizjattiva.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li proġett bħal dan serva biex filwaqt li qed nassessjaw x’inhu jsir fi clubs jew organizzazzjonijiet differenti, naħdmu flimkien biex naraw kif nistgħu ntejbu s-servizz għal ġid nazzjonali. B’hekk stajna naqsmu l-esperjenzi tagħna ma’ pajjiżi oħra Ewropej, nitgħallmu minn xulxin u fuq kollox naħdmu biex ngħollu l-livell tas-servizzi li qed noffru.
Move Transfer huwa proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea (Erasmus+ Sport Programme, Small Collaborative Partnerships). L-għan tal-proġett huwa li nippromovu l-attività fiżika u ntejbu is-servizz li qed jingħata mill-clubs/organizzazzjonijiet sportivi madwar l-Ewropa. Il-ħsieb ewlieni huwa li l-clubs jinvestu f’servizz multi-dixxiplinarju ħalli l-individwu jiġi moqdi ħolistikament; kemm mill-att tekniku, kemm mill-att psikoloġiku u edukattiv kif ukoll mill-att soċjali. Biex wieħed jilħaq dan il-livell, il-club irid ikun lest li jinvesti kemm fl-edukazzjoni tal-istaff tekniku u amministrattiv kif ukoll jaħdem ma’ nies professjonali oħra, minn oqsma differenti, biex il-parteċipanti tal-club jieħdu servizz mill-aqwa u professjonali. B’hekk l-iżvilupp tal-club ikun qed jinbena fuq pedament sod b’viżjoni konkreta u ta’ kwalità.
Il-proġett beda sena u nofs ilu, u l-clubs kienu mistiedna japplikaw u jikkomettu lilhom innfushom li ser jinvestu f’coaches/instructors kkwalifikati u professjonali, jagħmlu attivitajiet regolari li ser jibbenifika minnhom kulħadd (kemm dawk li huma tajbin fl-isport kif ukoll dawk li m’humiex), jħaddnu s-sistema tal-inklużjoni soċjali biex b’hekk ħadd ma jiġi eskluż, jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-individwu minn kull aspett u jippromovu healthy lifestyle mhux biss bħala eżerċizzju fiżiku fl-isport li jippratikaw imma wkoll bħala nutrizzjoni, kura u żvillup personali fost oħrajn.
Il-clubs li rċevew dan l-award urew li lesti jimxu fuq dawn il-prinċipji u lesti li jkunu ta’ eżempju għall-oħrajn. Dawn il-clubs ġew assessjati minn organizzazzjonijiet barranin bħal ISCA u Sport Union of Slovenia flimkien ma SportMalta, li kienet strumentali biex dan il-proġett isir. Importanti li nsemmu li meta ġew ir-rappreżentanti minn barra biex jaraw fiżikament xi jsir f’dawn il-clubs, kollha kellhom kliem ta’ tifħir u osservaw li dawn il-clubs qed iħallu impatt pożittiv fil-komunitatjiet tal-madwar b’mod differenti.
Il-clubs li bbenefikaw minn dan il-proġett huma Hibernians Assoċjazzjoni Sportiva, Birkirkara St Joseph, Marsaxlokk Youth Nursery, Dar Kenn għal Saħħtek, Sirens Aquatic Sport Club, Birżebbuġa Sailing Club u Għajnsielem Redcoats.