L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għalaq is-sena 2019 b’7,310,289 moviment tal-passiġġieri, jiġifieri rekord tat-traffiku ġdid għall-kumpanija li topera l-ajruport. Din iċ-ċifra ssarrraf f’żieda ta’ 7.4% fit-traffiku fuq l-2018 u wasslet lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-10 sena ta’ tkabbir fin-numru ta’ passiġġieri. Din iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 7.3% fil-postijiet disponibbli fuq titjiriet operati minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Is-seat load factor (SLF), min-naħa l-oħra, ma ċċaqlaqx mil-livell ta’ 81.8% bejn l-2018 u l-2019.
Skedi ta’ titjiriet imtejbin kemm għax-xhur tas-sajf u kemm għax-xhur tax-xitwa kienu fatturi importanti fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati tajbin. Tul is-sena 2019, fil-fatt, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ linja tal-ajru ġdida, inawgura 18-il rotta ġdida fi tliet kontinenti differenti u ħabbar żviluppi oħrajn maħsubin sabiex ikomplu jtejbu lkonnettività ta’ Malta, partikolarment fix-xhur tax-xitwa.
Filwaqt li fix-xhur tax-xitwa ġie nnutat tkabbir ta’ 7.2%, iż-żieda fin-numru tal-passiġġieri fix-xhur tas-sajf kienet marġinalment ogħla u laħqet is-7.6%. Ix-xhur li kibru bl-aktar rata mgħaġġla fl-2019 kienu Diċembru (+15.2%), April (+10.5%), Ġunju (+8.8%) u Ottubru (+8.8%). Min-naħa l-oħra, l-akbar kontributur għat-traffiku għas-sena kien ix-xahar ta’ Awwissu, li matulu ġew irreġistrati aktar minn 823,000 moviment tal-passiġġieri.
L-aqwa swieq għas-sena kienu r-Renju Unit (+2.2%), l-Italja (+3.4%), il-Ġermanja (+9.0%), Franza (+10.8%) u Spanja (+17.3%), liema swieq kollha bbenefikaw minn żviluppi ġodda li komplew isaħħu l-popolarità tagħhom tul l-2019.
Issa li ġiet fi tmiemha b’suċċess sena oħra, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dalwaqt ser ikun qed jippubblika t-tbassir tiegħu tat-traffiku għall-2020.