Il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia u l-kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ilbieraħ filgħaxija irraffermaw li ż-żewġ partiti rispettivi huma kontra l-ewtanazja u l-abort u saħqu li l-valur tal-ħajja gġandu dejjem jiġi mħares u rispettat, għax dan hu sagrosant.
Fl-aħħar laqgħa tiegħu dwar l-ewtanazja, l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet tal-Familja u l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa, semgħu lill-president ta’ ALS Malta, Bjorn Formosa, lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, lill-Għaqda Studenti tal-Liġi, u lill-Kunsill Mediku.
Is-Sur Formosa, li kellem lill-kumitat bit-telefon, iddiskuta d-diffikultajiet ta’ dawk li għandhom mard bħal tiegħu, li huma minn ta’ quddiem li jitolbu l-ewtanazja. Huwa qal li dak li jgħaddu minnu ma jistax jiġi injorat u t-talba tagħhom li tintemmilhom ħajjithom m’għandhiex tiġi njorata.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin spjega d-diffikultajiet etiċi li wieħed jirraporta stejjer umani. Mhux ddejjem ċar jekk għandhomx jintgħataw prominenza intervisti ma’ nies li lesti jagħmlu suwiċidju jew li lesti jitolbu li tintemmilhom ħajjithom.
L-Għaqda Studenti tal-Liġi ddiskutiet ir-riżultat ta’ analiżi li għamlet dwar il-liġijiet tal-ewtanazja f’pajjiżi tal-UE fejn din hija legali u aspetti li jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm-il darba din kellha ssir legali f’Malta.
Qalu li fi stħarriġ li fih ħadu sehem 313 student universitarju, 69% qablu mal-ewtanażja.
Godfrey Farrugia qal li dar-riżultat “inkwetah, kexkxu u offendih” bħala tabib u bniedem li jmiss kontinwament mal-mewt. Robert Cutajar qabel ma’ dawn is-sentimenti.
Il-membri tal-Kunsill Mediku qraw stqarrija fejn saħqu li r-responsabbiltà ta’ kull tabib hija l-preservazzjoni tal-ħalla u għalhekk ma jaqblux mal-ewtanazja.