69 sena ilu twieldet l-Għaqda Żgħażagħ Laburisti.
Fergħa taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Laburista li tant qdiet irwol importanti matul is-snin.
Matul iż-żmien minn din il-fergħa ħarġu bosta persuni li stabilixxew ruħhom fil-politika u anki ddominaw din ix-xena f’pajjiżna.
Chris Agius li llum huwa Deputat Laburista għamel żmien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali taż-Żgħażagħ Soċjalisti.
Ma’ dan l-istazzjon spjega kif iż-żgħażagħ dejjem żammew il-partit ħaj u kienu minn ta’ quddiem biex il-Partit Laburista jimxi ‘l quddiem.
Saħaq kif il-fergħa Laburista taż-żgħażagħ anki bniet pontijiet ma’ għaqdiet oħra internazzjonali.
Huwa rrakonta: “Niftakar li kellna aktar minn 4 fergħa u kollha kulħadd jikkompeti fergħa mal-oħra, min jorganizza l-aktar attivitajiet b’mod partikolari fiċ-ċentri tal-lokal jew inkella f’xi ċentru li jkun f’lokal li jkun ta’ ċertu daqs, attivitajiet f’Għawdex, dak iż-żmien konna nużaw ħafna ċ-ċentru li l-partit kellu f’Għajn Tuffieħa, fejn kien ikollna anki għaqdiet taż-żgħażagħ soċjalisti minn pajjiżi Ewropej minn barra minn xtutna sabiex hemm hekk nagħmlu gatherings taż-żgħażagħ. Kienu żminijiet fejn kollha kemm aħna tajna l-kontribut tagħna.”
Ma setax jonqos li f’dan l-anniversarju importanti, nitkellmu mas-Segretarju preżenti tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Georvin Bugeja qal li l-forum żgħażagħ Laburisti fil-partit, illum imexxi minn Dr Robert Abela se jkompli jilħaq iżjed żgħażagħ. Huwa stqarr: “Irridu issa niffukaw u nkomplu niffukaw fuq il-ġenerazzjoni 16 imma nerġgħu niffukaw ukoll fuq żgħażagħ ta’ etajiet ikbar biex il-Forum Żgħażagħ Laburisti, biex il-Partit Laburista jibqa’ d-dar naturali ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa, ta’ kull Malti u Maltija.”
Qal li dan l-anniversarju jġagħlna naħsbu fuq dak li sar miż-żgħażagħ ta’ qablu u kif din il-fergħa żagħżugħa tibqa’ tkun vuċi progressiva biex pajjiżna jkompli jgħaddi minn bidliet pożittivi.