Investiment li jlaħħaq is-sitt miljun ewro fuq medda ta’ tmien snin ser iwassal biex 68 grawnd tal-klabb tal-futbol ser igawdu minn uċuħ ġodda tal-grawnds tagħhom.
Dan ġie mħabbar f’konferenza bejn l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol l-MFA, il-Ministeru għall-Kwalità tal-Ħajja u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport fejn ġie iffirmat l-ftehim bejn il-partijiet.
Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo irrimarka kif dan il-ftehim ser jara aktar minn mitejn u ħamsin elf metru kwardu ta’ ħaxix artifiċjali li ser ikun mibdul.
Innota ukoll kif peress li dan l-investiment kapitali qiegħed isir bl-għajnuna tal-Gvern, l-MFA ser tkun tista’ tkompli tiffoka fuq l-istrateġija tagħha fuq it-titjib tal-livell tal-atleti.
Huwa saħaq li investiment bħal dan ifisser aktar inklużjoni minħabba li dawn il-grawnds huma parti integrali tal-komunitajiet fejn minkejja li jiġi prattikat l-isport, dawn huma postijiet ta’ soċjalizzazzjoni.
“Hawnhekk qed nitkellmu fuq kwalità tal-ħajja aħjar, il-pitches tagħna li jinsabu qalba tal-irħula Maltin u Għawdxin fejn eluf ta’ atleti kbar, żgħar, nisa, irġiel, tfal imorru jipprattikaw dak li huwa l-isport iżda mhux biss għandek anki l-komunità li tmur tissoċjalizza u allura qed nitkellmu fuq element importanti ta’ inklużjoni.”
Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan l-investiment bħala l-akbar wieħed fiż-żgħażagħ.
“Dan huwa l-akbar investiment fiż-żgħażagħ tagħna Maltin u Għawdxin, hekk kif ser naraw li jkollna investiment ta’ sitt miljun ewro biex jinbidlu l-uċuħ kollha tal-grawnds f’pajjiżna. Nemmen li din hija t-triq ’il quddiem biex anki l-MFA tkun tista’ tiffoka l-enerġija tagħha fuq livell strateġiku.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima saħaq kif dan huwa eżempju ieħor kif qed isir pjanar fit-tul fejn jidħol l-isport u kif din hija parti mill-viżjoni tal-Gvern.
“Għal darb oħra nkomplu nikkonfermaw li anki l-isport huwa importanti u fuq nett tal-aġenda nazzjonali kif ukoll mill-aspett soċjali li l-isport għandu fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.”