B’investiment ta’ sitt miljun ewro, beda l-proċess biex ħamsa u ħamsin grawnd tal-futbol f’Malta u tlettax oħra f’Għawdex, ikollhom wiċċ ġdid.
Fil-fatt, fuq medda ta’ tmien snin, dawn it-tmienja u sittin grawnd mistennija jingħataw il-ħajja u joffru r-riżorsi kollha biex jattiraw tfal u żgħażagħ jikkompetu fl-ogħla livelli.
Sa nofs is-sena d-dieħla, tliet grawnds tal-futbol mistennija jkollhom wiċċ tat-turf sintetiku, u grawnd ieħor se jsirlu wiċċ għall-ewwel darba.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern fil-grawnd tal-futbol tal-Imqabba, li huwa fost tal-ewwel li se jgawdu minn dan l-investiment.
Il-President tal-klabb f’din il-lokalità esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-investiment, li fost l-oħrajn, se jwassal għal taħriġ aktar sigur.
Qal, “Il-pitch tagħna ma tantx għadu fi stat li tista’ tilgħab il-futbol fih. La jsir il-pitch, innaqqsu dawk li huma injuries waqt it-training u affarijiet bħal dawn.”
Huwa spjega kif minn dan l-investiment, se tgawdi l-komunità sħiħa fl-Imqabba.
Spjega, “Aħna l-pitch tagħna, kull għaqda li hawn fl-Imqabba noffruh b’xejn biex ikunu jistgħu jiġu jipprattikaw l-isport jiġifieri dal-proġett ħa jservi għall-komunità kollha Mqabbija li llum qiegħda tikber u nisperaw li bħalma ġejna aħna jkomplu ta’ warajna wkoll.”
Il-ftehim għal dan l-investiment sar aktar kmieni din is-sena bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima spjega kif dan l-investiment se jkompli jassigura li t-tfal u ż-żgħażagħ, jitħarrġu fil-futbol f’kundizzjonijiet professjonali u ta’ livell għoli.
Qal, “Ħarisna lejn ix-xogħol li qed isir mill-klabbs madwar Malta u anki Għawdex u l-istat tal-pitches li kienu qed jitħarrġu fuqhom kemm l-atleti professjonali imma anki t-tfal tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli qalet li dan hu l-ikbar investiment li għamel il-Gvern fit-tfal u żgħażagħ.
Spjegat, “Dan huwa l-ikbar investiment li l-Gvern ċentrali qiegħed jagħmel fost it-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Investiment ta’ sitt miljun ewro li se jara bidla totali f’dan l-ammont kbir ta’ grawnds f’Malta u f’Għawdex.”
L-implimentazzjoni tal-ftehim se tkun fir-responsabbiltà tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, filwaqt li l-investiment finanzjarju se jsir mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja.