Mindu tnediet il-Helpline għas-saħħa mentali, 1579, f’Novembru li għadda, daħlu aktar minn sitt elef u seba’ mitt telefonata fuq din il-linja, li topera fuq bażi ta’ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Fil-Jum Dinji favur aktar għarfien dwar is-saħħa mentali, tkellimna ma’ psikologu fl-Isptar Monte Carmeli, li qalilna kif in-nies iċemplu fuq il-helpline għal ħafna raġunijiet, u dejjem isibu professjonisti mħarrġin apposta biex iwieġbu għall-aktar każi urġenti.
Qal “Iċemplu għal ħafna raġunijiet. Iċemplu għax ikollhom bżonn lil xi ħadd jismagħhom, forsi f’xi mument ta’ dwejjaq jew ikunu qed iħossuhom waħedhom, però jċemplu wkoll għal sitwazzjonijiet fejn ikun hemm kriżi. Ikun hemm sitwazzjonijiet fejn persuna tkun qed taħseb biex tagħmel xi ħsara lilha nnifisha jew lil ħaddieħor, sitwazzjonijiet fejn persuni jkunu jixtiequ jfittxu l-għajnuna, u dak hu wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-1579 biex persuna ngħidulha fejn tista’ ssib għajnuna għal dak li jkollha bżonn.”
Benjamin hu wieħed minn diversi persuni li jaħdmu f’tim multi-dixxiplinarju magħmul minn psikjatri, psikologi, tobba, ħaddiema soċjali u occupational therapists, li jaraw persuni fl-Isptar Monte Carmeli f’sitwazzjoni akuta.
Qal“Meta qed nitkellmu fuq sitwazzjoni akuta tfisser li persuna tkun għaddejja minn diffikultà li tbiddel il-kwalità tal-ħajja tagħha b’mod drammatiku. Jiġifieri, jekk forsi qabel kont qed tkampa, tmur għax-xogħol, tieħu ħsieb il-familja, tagħmel il-hobbies u dak li tħobb tagħmel, issa f’daqqa waħda ma tistax.”
Kulħadd hu suxxettibbli għall-mard mentali. Wieħed minn kull erba’ persuni għandhom xi problema ta’ saħħa mentali.
Il-psikologu appella biex inkunu ġentili u nipprovaw nifhmu lil xulxin f’kull sitwazzjoni tal-ħajja, speċjalment fuq il-post tax-xogħol, fl-istess ħin li nħeġġu lil dak li jkun ifittex l-għajnuna jekk nindunaw li jista’ jkun għaddej minn xi żmien diffiċli.
Qal “Jekk inti għandek xi ħadd, li qed jitkellem miegħek għax għaddej minn xi problema, ikkunsidra li tgħidlu, isma’, għaliex ma tfittixx għajnuna professjonali? Mhux neċessarjament tidħol l-isptar, għax l-isptar jidħol biss min vera għandu bżonn, imma għall-inqas ifittex servizzi kif hawn tal-Gvern bħal dan, li inti tista’ tfittex għajnuna biex dawk l-affarijiet li forsi qed itaqqluk jew qed jikkawżawlek dwejjaq jew ansjetà estrema, tkun tista’ tasal li tgħix ħajja aħjar għax tkun fittixt l-għajnuna.”