Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George Vella llum ipparteċipa fil-Laqgħa Ministerjali tal-Unjoni Ewropea dwar l-Iżvilupp, li matulha emfasizza l-importanza li l-Unjoni Ewropea tiffoka l-isforzi tagħha biex tgħin lir-refuġjati u lil dawk kollha li kellhom iħallu pajjiżhom minħabba kunflitti.
Bħalissa madwar id-dinja hemm numru bla preċedent ta’ persuni li kellhom iħallu pajjiżhom minħabba kunflitti, vjolenza u wkoll diżastri naturali. Il-Ministru Vella qal li għajnuna umanitarja biss mhix biżżejjed għall-bżonnijiet ta’ dawn ir-refuġjati u wkoll għall-komunitajiet li qed jospitawhom. Din mhix biss problema umanitarja, kompla Dr Vella, imma hija sfida aktar wiesgħa li trid tkun indirizzata b’mod ħolistiku.
Il-Ministru Vella semma l-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni, li sar f’Malta, bħala eżempju ta’ koperazzjoni komprensiva ma’ pajjiżi sħab tal-Unjoni Ewropea, u li ffoka fuq il-kawża tal-immigrazzjoni, permezz ta’ assistenza għall-iżvilupp aktar milli ffoka fuq l-effett tal-immigrazzjoni. Huwa qal li s-Summit kien ipprovda l-opportunità biex is-sħab Afrikani jafdaw aktar is-sħab Ewropej u hekk setgħu jkunu indirizzati mhux biss l-isfidi li hemm bħalissa, imma wkoll l-opportunitajiet li l-immigrazzjoni ġġib magħha.
Il-Ministru Vella żied li l-African Trust Fund li twaqqfet riżultat tal-Valletta Summit hija eżempju speċifiku li fil-prattika jista’ jsir xi ħaġa biex l-immigrazzjoni tkun indirizzata fl-għeruq tagħha, billi jkunu mgħejuna l-komunitajiet ħalli ma’ jibqgħux iserħu fuq ħaddiehor, għalhekk isiru aktar indipendenti u wkoll ikollhom suċċess ekonomiku.
Apparti li pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru Vella kellu laqgħa mal-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Koperazzjoni Internazzjonali u Żvilupp, Neven Mimica li matulha ġew diskussa l-preparazzjonijiet tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017.