Nhar it-28 ta’ April 1958, Malta rat mument kruċjali fil-ġlieda tagħha għall-awtonomija u l-identità nazzjonali bl-istrajk ġenerali imsejjaħ mill-General Workers’ Union tlett ijiem qabel, kawża tal-fatt li ħafna ħaddiema kienu mheddin bis-sensji, fosthom mit-tarzna li kienet tħaddem mat-12,000 persuna.
Ir-riżoluzzjoni tal-GWU, li kienet għaddiet mill-Kunsill Nazzjonali u li permezz tagħha l-ħaddiema ssejħu għal strajk ġenerali u jum ta’ protesta nazzjonali, kienet tgħid hekk: “Il-kriżi ġiet preċipitata mill-Gvern Britanniku li, bħal żminijiet oħrajn fl-imgħoddi, m’għarafx jonora l-obbligi tiegħu lejn il-poplu Malti.”
Il-qalba tal-konflitt kienet ir-rifjut tar-Renju Unit għall-proposta ta’ integrazzjoni mressqa mill-Prim Ministru Dom Mintoff u l-Partit Laburista.
B’reazzjoni għal dan, Mintoff irriżenja mill-kariga f’April 1958 u dan wassal għal iżjed instabbiltà u rabja fost il-poplu. Bħala appoġġ għal Mintoff, ħafna ħaddiema minn setturi differenti niedew strajk nazzjonali.
Waqt li l-ħwienet kienu baqgħu magħluqin, it-trasport pubbliku waqaf u ħafna ħaddiema ma marrux xogħol f’sinjal ta’ protesta kontra l-ħakma tal-Gvern Britanniku.
Il-gvern kolonjali rrisponda b’forza kbira, billi niżżel it-truppi tiegħu fit-toroq u daħħal miżuri stretti ta’ kontroll. Waqt li ġew imposti l-curfews, mijiet ġew arrestati, fosthom id-Deputati Bertu Hyzler, Patrick Holland u Agatha Barbara, li ffaċċjaw akkużi bħal intimidazzjoni u reati oħrajn, li ħafna sostnew li kienu motivati politikament.
Agatha Barbara, b’mod partikolari, ingħatat sentenza ta’ 43 jum xogħol iebes.
Minkejja dan, l-istrajk wera l-għaqda tal-poplu Malti u x-xewqa soda tiegħu għall-ħelsien. Għalkemm wassal għal iżjed riperkussjonijiet fit-tul, l-istrajk saħħaħ is-sentiment nazzjonali u patrijottiku u ppjana t-triq għal bidliet kostituzzjonali biex Malta, eventwalment, kisbet l-Indipendenza fl-1964, Repubblika fl-1974 u l-Ħelsien sħiħ ħames snin wara.
L-istrajk ġenerali tal-1958 jibqa’ simbolu ta’ għaqda u reżistenza fl-istorja Maltija, avveniment li enfasizza s-saħħa tal-għaqda tal-poplu kontra l-oppressjoni kolonjali.
Ilbieraħ dan il-jum storiku kien imfakkar mill-Partit Laburista flimkien mal-General Workers’ Union bit-tqegħid ta’ fjuri biswit il-monument fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid li jfakkar lill-eroj Maltin li kienu arrestati u ntbagħtu l-ħabs, għax għarfu jiġġieldu għad-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-monument kien inkixef proprju għaxar snin ilu mill-mibki Tony Zarb, dak iż-żmien Segretarju Ġenerali ta’ din l-akbar trejdunjin f’pajjiżna.
Fiċ-ċerimonja tal-Ħadd attendew il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Ġenerali attwali tal-GWU, Josef Bugeja, flimkien ma’ membri mill-amministrazzjoni Laburista u tal-unjin.