Fl-2021, kienu 664 l-istudenti li ġew assessjati għall-bżonnijiet edukattivi speċifiċi għalihom fi proċess magħruf bħala statementing.
Dan tħabbar wara laqgħat mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku li saru t-Tnejn filgħaxija, u li huma parti mill-Ġimgħa annwali għas-Servizz Pubbliku għal din is-sena.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-isfidi ta’ studenti bi bżonnijiet differenti fl-edukazzjoni.
Fil-fatt, iċ-ċifri juru li 312-il student urew traċċi ta’ awtiżmu jew diffikultajiet fil-komunikazzjoni, 99 student indikaw il-kundizzjoni tal-ADHD, filwaqt li 97 student għandhom diffikultajiet fit-tagħlim. Kien hemm 41 student li għandhom diżabilità fiżika, 11 li għandhom id-Down Syndrome, u ħamsa oħra li għandhom nuqqas ta’ vista jew nuqqas ta’ smigħ. 99 student għandhom kundizzjonijiet oħra varji.
Wara l-assessjar, l-istudenti ngħataw l-għajnuna li tindirizza l-bżonnijiet tagħhom.
Fil-fatt, fis-sena skolastika li għaddiet kien hemm mat-3,600 learning support educator (LSEs) fl-iskejjel tal-Istat, filwaqt li kien hemm 1,382 LSEs fl-iskejjel tal-Knisja u 444 oħra fl-iskejjel indipendenti.
Dan minbarra li 166 student irċevew l-edukazzjoni tagħhom fiċ-Ċentri għar-Riżorsi.
F’laqgħat l-oħra li saru t-Tnejn ġew diskussi t-tagħlim online, is-saħħa mentali, u x-xiri pubbliku.
Fil-laqgħa dwar it-tagħlim online ġie nnotat kif l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija nbidlu f’opportunitajiet anke fil-mod kif isiru t-tagħlim, l-assessjar, u l-eżamijiet. Fil-fatt, fis-sena skolastika li għaddiet aktar minn 90 fil-mija tal-eżamijiet saru b’mod virtwali.
F’laqgħa oħra ġiet diskussa s-saħħa mentali. Issemmew, fost oħrajn, servizzi li jingħataw lil-uffiċjali pubbliċi fl-hekk imsejjaħ l-Employee Support Programme; kif ukoll servizzi li jingħataw fil-komunità biex tiġi provduta gwida professjonali minn professjonisti. Għalhekk, il-kura tas-saħħa mentali tingħata b’mod ħolistiku sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.
Fl-aħħar laqgħa li saret, ġie diskuss ix-xiri pubbliku. Ingħata rendikont ta’ xi twettaq u ssemma anke liema suġġerimenti, li saru f’laqgħat preċedenti, ġew implimentati.
Dawn il-laqgħat huma parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku u jsiru ta’ kull sena biex is-Servizz Pubbliku jkun jista’ jimplimenta s-suġġerimenti li jsiru minn klijenti tiegħu.
Intant, għal din l-okkażjoni, inħareġ first-day cover u timbru kommemorattiv b’bolol speċjali. It-tnedija saret fil-Mużew Postali, fil-Belt.
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tibqa’ għaddejja sa nhar is-Sibt li ġej.