Il-Gvern permezz tal-Ministeru għas-Sajd nieda skema ta’ tmien mitt elf ewro li se tgħin lis-sajjieda wara d-daqqa tal-pandemija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo ħabbar kif din l-iskema se tgħin sitt mija u sittin sajjied, kemm full-time u anke part-time.
Il-Ministru Refalo qal kif din hija t-tieni skema li ħabbar il-Gvern fi żmien il-pandemija, hekk kif is-sena l-oħra kienet miftuħa għal dawk li jistadu għat-tonn.
Hawnhekk il-Ministru Refalo spjega kif din it-tieni skema hija miftuħa għas-sajjieda kollha: “Settur illi waqt il-pandemija mexa ‘l quddiem, kien reżiljenti. Però naturalment ħabba l-isfidi tal-pandemija, bħar-ristoranti magħluqa dan is-settur sofra telf. Għalhekk qegħdin nagħmlu din l-iskema, miftuħa għal MFAs u MFBs, fejn aħna qegħdin nirrikonoxxu t-telf tagħhom u nikkumpensawhom tat-telf illi ġarbu.”
Intqal kif din l-iskema t’għajnuna mill-Gvern ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropea.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Akwakultura Dennis Calleja qal kif għal din l-iskema huwa eleġibbli kull sajjied li matul is-sena l-oħra kellu bastiment tas-sajd.
Huwa spjega magħna kif is-sajjieda jistgħu japplikaw għal din l-iskema: “Attwalment id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura ħa jkun qed jibgħat ittri formali lil dawk kollha li huma eliġġibli fid-djar tagħhom. Inħeġġu lil dawk kollha li huma eliġġibli, din l-ittra u l-applikazzjoni li se jirċievu jimluwha mill-aktar fiss possibli u dan għandhom sas-26 ta’ Novembru biex propju jagħmlu dan.”