Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistiku juru li matul Settembru li għadda, il-ħaddiema jirreġistraw għax-xogħol naqsu għal 1,813 jew bi kważi 27% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet. Minn dawn 1,258 kienu rġiel filwaqt li 555 kienu nisa.
Iċ-ċifri pprovduti mill-Aġenzija tax-Xogħol Jobs+ juru li matul Settembru li għadda kien hemm tnaqqis ta’ 659 persuna minn fuq il-kotba tal-qgħad meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Filwaqt li f’Malta l-persuni jfittxu xogħol naqsu b’483 għal ftit aktar minn 1,800, f’Għawdex il-qgħad naqas bi kważi b’180 biex issa hemm biss 191 ruħ jirreġistraw għax-xogħol.
Skont ir-rekords amministrattivi ta’ Jobs+, il-qgħad naqas fil-kategorija kollha.
L-akbar tnaqqis fil-persuni qiegħda kien irreġistrat fost il-persuni li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol aktar minn sena. Fil-fatt dawn naqsu b’aktar minn 300 ruħ.
L-NSO irrapporta wkoll li l-persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’46 oħra u niżlu għal 244.