Il-liġi li tirregola l-Korp tal-Pulizija, li fil-preżent tagħti poteri kbar lill-Kummissarju tal-Pulizija, hija mistennija li tinbidel biex tirrifletti r-riformi li hemm bżonn għal korp aktar amministrattivament effettiv.
Ix-xogħol fuq din il-liġi, parti importanti mill-istrateġija li għandha twassal għall-immodernizzar tal-Korp, huwa mistenni li jibda matul dan is-sajf.
Dan ħabbru l-Ministru Carmelo Abela waqt konferenza stampa li matulha saret preżentazzjoni mill-Professur Saviour Formosa dwar kwestjonarju li sar fost il-membri tal-Korp fl-ahhar tas-sena 2015 li fih ipparteċipaw 650 pulizija. Numru li skont il-Professur Formosa huwa numru ferm għoli li jindika l-għatx li hemm qalb il-membri tal-Korp biex jagħtu s-sehem tagħhom u jsemmgħu l-vucċi tagħhom biex tinġieb ir-riforma mixtieqa.
Il-Professur Formosa qal li dan in-numru huwa kuntrastanti ma’ stħarriġ ieġor li ġieli sar minn akkademiċi fl-Università fejn ir-rispons kien ikun biss ta’ madwar 30 risposta. B’hekk dan ikompli jindika s-sodisfazzjon u l-apprezzament għal rispons daqshekk b’saħħtu.
Fl-istess laqgħa ġie ppreżentat ukoll dokument meqjus bħala wieħed ta’ strateġija ta’ high level’, mingħajr dettalji imma fuq punti ta’ prinċipju li minn fuqu se tkun qed titfassal strategija aktar dettaljata.
Il-Ministru Abela spjega li l-aħħar attentat biex tinbena strategija li tofdri direzzjoni ghal pulizija kienet bejn is-snin 1996-1998 maħduma minn David Spiteri Gingell. Sfortunatament dan id-dokument baqa’ fuq il-karta mingħajr implimentazzjoni. Ftit snin wara kienu saru żewġ attentati oħra li baqgħu bħala dokumenti interni għat-trab tal-ixkaffa. Qatt ma kien hemm impenn serju biex dawn jiġu attwalizzati.
Huwa propju issa li għall-ewwel darba qed naraw attentat serju biex il-Korp tal-Pulizija ikun imħaddem permezz ta’ strateġija proattiva.
https://youtu.be/yspsbYpsL60