Ġie mniedi l-kalendarju tal-avvenimenti ta’ Rock’N Malta għal din is-sena. Dan l-avveniment se jara l-parteċipazzjoni ta’ sitt mija u ħamsin artist mix-xena lokali u internazzjonali.
Rock’N Malta se jkun possibbli permezz ta’ fond amministrat minn Festivals Malta, li jinċentiva lill-artisti u organizzaturi lokali biex jinvestu fil-mużika ta’ ġeneru rock.
Is-sejħa għal dawn il-fondi saret f’Lulju tas-sena l-oħra, u ġie nnutat rispons qawwi. B’kollox intagħżlu għoxrin applikant, li se jkunu qed jibbenefikaw mill-fond.
Rock’N Malta tnieda fl-2017, u dan il-festival kien ċentrali sabiex numru ta’ artisti u organizzaturi jipproduċu spettakli tar-rock. B’hekk, l-artisti lokali jkunu jistgħu jesponu ruħhom faċilment.
Preżenti għat-tnedija kien hemm iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, li stqarr li għajnuna bħal dawn il-fondi jgħinu lill-artisti sabiex jistabbilixxu ruħhom anke b’mod internazzjonali.
Huwa tkellem ukoll fuq l-irwol ta’ Festivals Malta u dwar kif din l-entità se tibqa’ tkun ta’ spalla għal kull min hu involut f’dan is-settur.
“L-organizzaturi, diversi promoters, u diversi artisti lokali se jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il-fondi li għadhom kif ġew imħabbra. Fuq kollox, l-iktar ħaġa importanti għal Festivals Malta hija li dawn il-persuni li għadni kif semmejt, dawn l-organizzazzjonijiet, isibu lil Festivals Malta biex tgħinhom b’mod finanzjarju, sabiex ikunu jistgħu jtellgħu l-attività tagħhom b’mod mill-aktar ta’ livell għoli.”
Il-Ministru responsabbli mill-qasam tal-Arti, Owen Bonnici tkellem fuq l-importanza ta’ dan il-fond sabiex organizzaturi lokali jkunu jistgħu anke jġibu f’pajjiżna artisti internazzjonali.
Spjega kif dan il-fond jaħdem b’mod differenti minn fondi oħra.
“Dan huwa fond għall-qalbna ħafna għaliex il-mod ta’ kif jaħdem huwa differenti minn festivals oħrajn. Hawn inpoġġu għad-dispożizzjoni tal-promoturi flus li bihom ikunu jistgħu mhux biss iġibu artisti tar-rock ta’ fama internazzjonali, imma anke jagħtu opportunità lit-talent lokali, biex mhux biss juru l-ħiliet tagħhom imma anke jaħdmu flimkien mat-talent internazzjonali.”
Il-Festival se jsir bejn Marzu u Diċembru, u d-dati speċifiċi tal-avvenimenti se joħorġu ftit taż-żmien ieħor.
Il-programm tal-avvenimenti għal Rock’N Malta
Lordi – Marzu
Dark Malta – April
Music Playground – Bejn April u Settembru
Rock the South 10th Edition | A symphonic rock show – Mejju
Kunċert Rock | Gogol Bordello – Ġunju
John Lees’ Barclay James Harvest – Lulju
Plaguefest – Awwissu
Venti Music Fest | The Creepers – Blues in Malta – Settembru
Rock Wired – Ottubru
A Symphonic Rock Orchestra and Choir – Novembru
The Gozo Youth Orchestra – Novembru u Diċembru
The Travellers Christmas Concert – Diċembru
Mike and the Mechanics | Rock in the Forest | Steven Rothery | Alan Parsons – Id-dati jitħabbru aktar ‘il quddiem.