65 rekluta, 54 raġel u 11-il mara ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti.
It-taħriġ, li dam erba’ xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi, kemm taħriġ fiżiku, kif ukoll akkademiku.
Fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja, l-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri awguralhom għall-ħidma tagħhom u ħeġġiġhom sabiex jibqgħu jistudjaw u javvanzaw fil-karriera tagħhom.
Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà fakkarhom fil-missjoni tal-Korp, dik ‘Li nipprovdu servizz professjonali u fdat biex niżguraw pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità’ u enfasizza fuq l-importanza li din il-mission statement tkun dik li tigwidahom fl-operat tagħhom ta’ kuljum.
Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors, ingħata lil Kuntistabbli Matthew Galea.