Fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ntqal li l-94 immigrant li lbieraħ iddaħħlu f’Malta ġew iżolati u sarilhom test għall-Coronavirus.
Ġie spjegat li s’issa huma disponibbli r-riżultati tat-testijiet li saru fuq 85 immigrant.
Intqal li 65 minn dawn il-ħamsa u tmenin immigrant ittestjaw fil-pożittiv għall-virus.
Il-Gvern fakkar li bħalma hija l-proċedura normali, l-immigranti li jaslu bil-baħar jinżammu immedjatament fi kwarantina għal erbatax-il jum u jiġu ttestjati.
L-immigranti li nstabu li huma pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament f’parti f’ċentru ta’detenzjoni ta’ Ħal Far u l-bqija se jibqgħu fi kwarantina u jiġu segwiti.
Ir-riżultati tat-testijiet pendenti fuq il-bqija tad-disa’ immigranti se joħorġu aktar tard illejla.