Kull min iħobb il-qtates żgur li m’għandux jitlef l-64 u l-65 edizzjoni tal-International Cat Show li qed tittella’ fi Smart City f’dan it-tmiem il-ġimgħa.
Attività li ġabet f’pajjiżna wkoll razza speċifika ta’ qattus li qatt ma rajnieh qabel: is-Siberian.
Qtates li oriġinaw mis-Siberja iżda nġiebu f’pajjizna mir-Russja. Jifilħu ħafna t-temp kiesaħ, u huma l-qtates ideali għal min hu allerġiku għalihom.
Lil’hinn mill-qtates Siberjani, din il-Cat Show tinkludi wkoll razez bħall-persjani, sphinx u eżotiċi fost ħafna oħrajn.
Minn żgħar għal adulti, qtates bil-pil u oħrajn mingħajru, u firxa wiesgħa ta’ kuluri.
Qed jiġġudikaw lis-64 qattus li qed jikkompetu, ġurija mill-Italja u mit-Turkija, li jaraw mhux biss karatteristiċi fiżiċi bħall-għajnejn u l-widnejn, iżda jagħtu importanza kruċjali lill-grooming, u Joanne Mifsud Micallef – is-Segretarju tal-Malta Feline Guardians Club, spjegat l-aħjar mod kif dan tal-aħħar jista’ jsir.
“Irid ikollok brushes apposta biex dejjem tippettna l-qattus ħalli ma jkollux għoqiedi. Il-brushing irid isir kuljum fuq diversi razez b’mod speċjali il-qtates Persjani imbagħad irid isir it-tindif tal-għajnejn kif ukoll tal-widnejn.”
Joanne ilha Segretarju tal-Malta Feline Guardians Club sa minn meta twaqqfet l-għaqda, proprju ħdax –il sena ilu.
Għaqda li evolviet tul is-snin, li tati l-esperjenza lill-membri tagħha biex jiltaqgħu ma’ razez ta’ qtates li qatt ma bassru li jistgħu jeżistu.
L-International Cat Show tasal fi tmiemha llejla.