Nhar is-Sibt, sitta ta’ Jannar, tlieta u sittin elf u ħames mitt anzjan u anzjana bil-pensjoni tal-irtirar, se jirċievu ż-żieda dovuta lilhom fil-pensjoni.
B’kollox il-pensjoni tagħhom se tiżdied bi ħmistax-il ewro fil-ġimgħa, li għaxar ewro u tlieta u sebgħin ċenteżmu minnhom hija ż-żieda fir-rata tal-pensjoni hekk kif imħabbra fil-baġit għal din is-sena, u l-kumplament, erba’ ewro u sebgħa u għoxrin ċenteżmu, hija ż-żieda fir-rata tal-għoli tal-ħajja.
F’konferenza tal-aħbarijiet qalb in-nies u l-anzjani fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, ġie spjegat kif il-maġġoranza tal-pensjonanti tal-irtirar, mat-tmenin fil-mija, huma dawk li jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi.
Il-kumplament tal-pensjonanti, li jgħoddu għal madwar wieħed u tletin elf, se jitħallsu fil-ġimgħat ta’ wara.
Fil-fatt, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù spjega kif fit-tlettax ta’ Jannar, mat-tmintax-il elf pensjonant li huma romol, se jieħdu ż-żieda taghhom, filwaqt li dawk bil-pensjoni minima nazzjonali u tal-invalidita’ se jitħallsu fl-għoxrin ta’ Jannar.
“Għada, is-sitta ta’ Jannar, ħa jkunu qed jirċievu ż-żieda tagħhom il-pensjonanti tal-irtirar, imbagħad ġimgħa wara jkun imiss il-pensjonanti romol u bħal għada ġimagħtejn ikun imiss lill-pensjonanti tal-invalidità u l-pensjonanti li jieħdu l-pensjoni minima. Tajjeb li ngħid li l-pensjonanti tal-età non-kontributorja diġà rċevew iż-żieda tagħhom fl-aħħar pagament tas-sena l-oħra li kien ikopri erba’ ġimgħat bil-quddiem.”
Iż-żieda fil-pensjoni se tkun is-seba’ waħda konsekuttiva mill-elfejn u tmintax ’l hawn, u l-pensjonanti llum qed jirċievu bejn tletin fil-mija u tmienja u sittin fil-mija iżjed milli kienu jirċievu ħdax-il sena ilu.
Miġbura f’daqqa, iż-żidiet fil-pensjoni mogħtija mill-elfejn u tlettax sal-lum, ilaħħqu t-tlett elef, tliet mija u ħamsin ewro fis-sena.
Dawn l-ammonti huma l-minimu li żdied kull pensjonant, għaliex hemm eluf ta’ pensjonanti li żdiedu aktar minn hekk, grazzi għal numru kbir ta’ miżuri oħra mmirati għal gruppi differenti ta’ pensjonanti, fosthom romol, pensjonanti li rtiraw wara l-elfejn u tmienja, dawk tas-servizz, u li kienu jħallsu t-taxxa, u nisa li kellhom għaxar snin kontribuzzjonijiet imma ma kinux jieħdu l-pensjoni.
Il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon spjega kif in-nefqa totali fuq il-pensjonijiet din is-sena, taqbeż il-wieħed punt wieħed biljun ewro, u hija disgħin fil-mija aktar tan-nefqa fuq il-pensjonijiet ta’ għaxar snin ilu.
“Illum qed nitkellmu li f’għaxar snin, kull pensjonant u pensjonanta f’pajjiżna li jgħoddu madwar mitt elf, qed jaraw mhux biss żieda ta’ sittin ewro oħra f’kull erba’ ġimgħat imma wkoll jekk inħarsu lejn in-nefqa globali, illum qed nitkellmu fuq nefqa ta’ elf, mija u sittin miljun ewro, jiġifieri dawk huma żidiet sostanzjali minbarra benefiċċji oħra li hemm marbuta mar-romol fejn qed naġġustaw, nirranġaw l-inġustizzji li ħoloq ħaddieħor fl-elfejn u sitta bil-famuża klassifikazzjoni ta’ qabel u wara l-1962, fost l-oħrajn.”
Intant, matul dan ix-xahar se jidħol fis-seħħ titjib f’aktar benefiċċji soċjali, bħall-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, iż-żieda fiċ-Children’s Allowance, u ż-żieda fl-Assistenza għad-Diżabilità u fl-allowance għall-carers ta’ dawn il-persuni.