Kien it-23 ta’ Awwissu tal-1960, eżattament tlieta u sittin sena ilu, meta seħħ id-delitt waħxi ta’ Twannie Aquilina fi Triq San Duminku fil-Belt Valletta, li baqa’ jissemma sal-lum.
It-tfajjel ta’ seba’ snin inqatel b’diversi daqqiet ta’ sikkina fid-dar fejn kien joqgħod, għalkemm jirriżulta li t-tifel kien ilu espost għal diversi każi ta’ abbużi fiżiċi anke qabel.
Kienu għall-ħabta tat-tmienja neqsin kwart ta’ dik il-ġurnata meta l-Pulizija saret taf li t-tfajjel kien allegatament waqa’ u weġġa’. Iżda fuq il-post, il-pulizija kienu sabu xena makabra, hekk kif it-tifel instab f’għadira demm b’rasu kważi mħanxra.
Id-delitt baqa’ ċċirkondat fil-misteru, għalkemm, fi tmiem ġuri, Ġiġa, omm it-tifel, kienet weħlet il-piena tal-mewt, fi żmien li l-piena kapitali kienet għadha effettiva fil-Kodiċi Kriminali.
Ir-raġel tagħha, Leli, li ma kienx missier it-tifel, kien weħel għoxrin sena ħabs.
Sussegwentement is-sentenza tal-omm kienet inbidlet għal għomor il-ħabs, iżda spiċċat ġiet meħlusa għaxar snin wara.