B’sitt elef u mitejn bozza ddawwal il-faċċata tal-każin ta’ San Bartilmew, il-familja Abela ħolqot attrazzjoni fi pjazza ċkejkna ta’ Ħal Għargħur, li ġibdet lejha l-attenzjoni ta’ bosta.
Uħud iteptpu, oħrajn jgħammxuk.
Il-faċċata tas-Soċjetà Filarmoika San Bartilmew, ta’ Ħal Għargħur, hija miksija b’bozoz li qed jaħdmu b’sistema ta’ dawl sinkronizzat mal-mużika li jagħtu spettaklu lil kull minn jgħaddu mill-madwar.
Din is-sena, is-Segretarju tal-Każin Mario Abela u ibnu Gianluca komplew iżidu max-xogħol li għamlu matul dawn l-aħħar tliet snin biex issa ħolqu attrazzjoni unika mal-faċċata tal-każin ta’ San Bartilmew.
Qal, “Ix-xogħol beda kważi 3 snin ilu, fejn konna għamilna l-faċċata sinkronizzata mal-mużika. Imma din is-sena għidna, forsi nagħmlu xi ħaġa speċjali, u għidna għaliex ma nagħmlux sistema kollha neo-pixels, u daħħalna naqaramoving heads biex, xejn xejn, in-nies li jaraw jidħlu aktar fl-ispirtu tal-Milied.”
Il-kunċett tad-“dawl” tal-Milied beda fil-Ġermanja fis-seklu tmintax bil-mixgħela tax-xemgħa, li għal dak iż-żmien kien mezz li ma kienx jiflaħ għalih kulħadd. Kienet tradizzjoni tas-sinjuri li, wara l-ikla tal-Milied, jinġabru madwar is-siġra tal-Milied armata bix-xemgħat, jixegħluhom, ikantaw l-għanjiet, u jiftħu r-rigali.
Lura Malta, Gianluca Abela qalilna li, fil-każin, il-preparamenti jibdew minn ħafna qabel il-Milied.
Stqarr, “Ikolli ritratt tal-pjanta tal-faċċata, imbagħad noħloq disinn fuq il-kompjuter. Kif nagħmel id-disinn, nurih lill-kumitat. Kif il-kumitat jgħidli li huwa sabiħ id-disinn, nibda nagħżel id-diski biex imbagħad nibda nissikronizzja d-dawl mal-mużika.”
B’din il-faċċata, il-familja Abela kisbet rekord nazzjonali ġdid għax saret l-iktar faċċata wiesgħa b’dawl LED neo-pixel sinkronizzat mal-mużika.
Filwaqt li japprezza l-attenzjoni li ġibed lejh dan ix-xogħol tant metikoluż, Gianluca Abela kkonkluda li filwaqt li jinsab kuntent b’dak li pproduċa s’issa, jinsab impenjat biex joħroġ b’ideat ġodda għall-Milied tas-sena d-dieħla.