L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, b’kollaborazzjoni ma’ Saving Our Blue, ħareġ stħarriġ li juri li 62% tan-nies f’Malta jippruvaw jevitaw prodotti b’ippakkjar tal-plastik, filwaqt li 63% jagħżlu li jużaw basktijiet u kontenituri li jistgħu jerġgħu jużaw għax-xirja tagħhom.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet li dan huwa riżultat inkoraġġanti, li jfisser li l-messaġġ tal-kampanji bħal Saving Our Blue qed jasal, kif ukoll deċiżjonijiet fil-ħidma politika li qed tieħu Malta. Fosthom, is-sena li għaddiet, Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi tal-UE li pprojbixxiet prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, bħal basktijiet tal-plastik u pożati. Dan minbarra l-isfrozi favur is-separazzjoni mandatorja tal-iskart.
Dan intqal fil-kuntest tat-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-kampanja ambjentali Saving Our Blue, intiża biex tkompli titqajjem kuxjenza dwar l-impatt negattiv li l-iskart iħalli fuq il-baħar u l-kosta Maltija, u l-importanza biex jitnaqqas l-iskart, speċjalment plastik li jintuża darba biss.
Il-kampanja din is-sena qed toffri esperjenza innovattiva ta’ Saving Our Blue Virtual Reality (VR) li turi mill-qrib il-ħajja tal-baħar ta’ żoni differenti ta’ importanza ekoloġika fl-ibħra Maltin, kif ukoll logħob edukattiv dwar l-iskart li jinsab fil-baħar u s-separazzjoni tal-iskart.
Il-logħob il-ġdid tal-web app ta’ Saving Our Blue juża teknoloġiji biex juri l-impatt negattiv li l-ġenerazzjoni tal-iskart jista’ jkollhom fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-VR se toffri esperjenza immersiva ta’ diversi ekosistemi u żoni ta’ bijodiversità f’Żoni Protetti Marittimi li wieħed isib madwar il-Gżejjer Maltin.
Għat-tnedija ta’ Saving Our Blue pparteċipaw rappreżentanti minn Ambjent Malta, minn Project Green u minn Heritage Malta.