Bħal-lum tnejn u sittin sena kienu saru l-elezzjonijiet ta’ Frar tal-elf disa’ mija tnejn u sittin.
Dak iż-żmien, l-elezzjoni kienet mifruxa fuq tlett ijiem, hekk kif saret bejn is-sbatax u d-dsatax ta’ Frar.
Din l-elezzjoni fil-bidu tas-sittinijiet tibqa’ mfakkra għal 51,000 li vvotaw lill-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Duminku Mintoff. Dawn jibqgħu magħrufa bħala suldati tal-azzar.
L-interdett mill-Knisja, dak iż-żmien immexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, kien fisser li kull min ivvota, mar xi meeting jew qara gazzetta tal-Partit Laburista kien qed jagħmel dnub mejjet.
Din l-ordni mill-Knisja kienet ħarġet f’April ta’ sena qabel, jiġifieri l-1961. Dan iż-żmien ikrah għall-istorja ta’ pajjiżna kien wassal biex dawk li jħaddnu l-prinċipji Laburista spiċċaw iżżewġu fis-sagristija u dawk li mietu f’dawn iż-żminijiet kienu indifnu fil-parti magħrufa bħala l-miżbla – il-parti mhux konsagrata fiċ-ċimiterju.