F’April ta’ 62 sena ilu, l-Arċisqof ta’ dak iż-żmien, il-Monsinjur Mikiel Gonzi ħareġ ordni ta’ interdett fuq il-Mexxej Laburista Dom Mintoff u l-eżekuttiv kollu tal-Partit Laburista.
Dan wassal biex kull min kien jassoċja ruħu mal-Partit Laburista jew isegwi dak li kien jagħmel il-Partit Laburista kien ikun meqjus li qed jagħmel dnub mejjet.
Dan fisser li dawk li kienu jħaddnu l-prinċipji Laburista spiċċaw iżżewġu fis-sagristija u dawk li mietu f’dak iż-żmien kienu indifnu fil-parti magħrufa bħala l-miżbla – il-parti mhux konsagrata fiċ-ċimiterju.
Id-dnub il-mejjet kien impost ftit wara li Malta ngħatat konstituzzjoni ġdida mill-Ingliżi, l-aħħar waħda qabel l-Indipendenza.
Dan fisser li fl-elezzjoni ta’ sena wara, dawk li kienu se jivvutaw lill-Partit Laburista kienu se jagħmlu dnub mejjet.
Fl-elezzjoni ta’ Frar tal-1962, 51,000 persuna vvutaw lill-Partit Laburista minkejja d-dnub il-mejjet impost mill-Knisja. Dawn baqgħu magħrufa bħala s-suldati tal-azzar.
Din il-kwistjoni politika-reliġjuża baqgħet għaddejja sal-1969, meta kien hemm medjazzjoni mis-Santa Sede.