F’sentejn, ġew irreġistrati aktar minn wieħed u sittin elf u ħames mitt kirja privata mal-Awtorità tad-Djar, frott il-Liġi dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati.
Dan ħareġ fil-pubblikazzjoni tat-tieni edizzjoni tal-istudju dwar il-kirjiet residenzjali privati, li tefa’ dawl fuq diversi temi marbuta mas-settur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li ċ-ċifri juru kemm ir-riforma qed tħalli viżibilità sħiħa tas-suq.
Staqsejna lis-Sur McKay jgħidilna x’effett ħalliet ir-riforma li seħħet fis-settur tal-kirjiet, sentejn u nofs wara?
Qal li “qed naraw ukoll li s-suq tal-kera kien ikkarattarizzat b’ħafna abbużi, kemm min-naħa tal-inkwilini u kemm min-naħa tas-sidien, grazzi għall-panel t’arbitraġġ, mingħajr ma ngħid li l-abbużi llum spiċċaw, għandna suq li huwa ħafna u ħafna aktar stabbli. Min-naħa l-oħra wkoll, illum għandna f’idejna minjiera ta’ informazzjoni għaliex għandna l-ewwel indiċi tal-kirjiet f’Malta.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, qal li sal-aħħar tas-sena li għaddiet, kien hemm aktar minn sebgħa u tletin elf kirja attiva. Din hija żieda ta’ aktar minn tnax-il elf kirja attiva meta mqabbel ma’ sena qabel.
Ta’ min jinnota ukoll li 96% tal-kuntratti attivi kienu kuntratti fit-tul.
Matul din il-konferenza ħareġ biċ-ċar li permezz ta’ din il-liġi, kemm is-sidien kif ukoll l-inkwilini qed ikollhom moħħhom iktar mistrieħ, bi qbil bejniethom, li l-kirja għandha dejjem tkun irreġistrata.
Staqsejna lill-Ministru Roderick Galdes, x’inhuma l-prijoritajiet tal-Gvern għall-ġejjieni, fis-settur tal-kirjiet?
Tenna li “issa qed nestrapolaw dik l-informazzjoni biex inkomplu nsaħħu din ir-riforma f’dak li għandu x’jaqsam mal-affordabbiltà. Għalhekk il-Gvern minn żmien għal żmien iniedi skemi t’għajnuna, għalhekk iniedi inizjattivi, biex insegwu kemm minn aspett fiskali, kemm minn aspett ta’ sussidji tal-kera u b’hekk insaħħu wkoll l-affordabbiltà f’pajjiżna.”