Fl-2021, 61% tan-nies li jgħixu f’Malta u li għandhom bejn is-sittax u erbgħa u sebgħin sena kellhom ħiliet diġitali bażiċi.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat hekk kif ġie rrimarkat li din iċ-ċifra hija propju 7% aktar mill-medja Ewropea.
Il-medja Ewropea hija ta’ 54%.
B’ħiliet diġitali bażiċi, wieħed jifhem kompetenza f’ħames oqsma differenti. Dawn jinkludu ħiliet marbuta mal-informazzjoni u d-data, ħiliet ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni, ħiliet diġitali li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq u ħolqien ta’ kontenut diġitali, ħiliet ta’ sigurtà fuq il-pjattaformi soċjali u fl-aħħar nett ħiliet biex jissolvew intoppi diġitali.
Fil-fatt, is-sena l-oħra, il-pajjiżi bl-ogħla rata ta’ persuni b’ħiliet diġitali fl-Ewropa skond il-Eurostat huma l-Olanda u l-Finlandja. Hawnhekk il-persentaġġ tal-poplu b’dawn il-ħiliet diġitali bażiċi jammontaw għal 79%. Wara ssegwi l-Irlanda b’70%.
Intant l-inqas pajjiż b’persuni li jgħixu fih u li għandhom ħiliet diġitali bażiċi huwa r-Rumanija b’28%. Issegwi r-Rumanija hemm il-Bulgarija b’31% u l-Polonja b’43%