L-awtoritajiet tas-Saħħa Olandiżi ħabbru li 61 persuna li waslu fil-belt ta’ Amsterdam fuq żewġ titjiriet mill-Afrika t’isfel, ittestjaw fil-pożittiv għall-Covid-19.
Bħalissa qegħdin isiru aktar testijiet biex jiġi determinat jekk humiex infettati bil-varjant il-ġdid tal-Coronavirus Omicron.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, iddikjarat li dan il-varjant il-ġdid huwa ta’ tħassib.
Il-varjant żviluppa għal diversi drabi b’mod differenti u informazzjoni disponibbli turi li l-ewwel każ irrapportat kien proprju fl-24 ta’ Novembru.
Minn dakinhar ġie identifikat fil-Botswana, fil-Belġju, f’Hong Kong u l-Iżrael.
Fil-fatt l-istati membri tal-Unjoni Ewropea qablu biex jissospendu vjaġġar mill-Afrika t’Isfel wara li ġie identifikat dan il-varjant ġdid.