Bejn l-1 ta’ Jannar tal-2010 u t-30 ta’ Novembru 2016, ġew irrapurtati total ta’ 6,086 serqa lill-Pulizija mil-lokalitajiet taż-Żejtun, Wied il-Għajn, Marsaxlokk, il-Fgura, Ħal Għaxaq, Ħal-Tarxien, Raħal Ġdid, il-Gudja u Santa Luċija.
Din l-informazzjoni ħarġet meta l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, irrisponda għall-mistoqsija li għamel id-Deputat Laburista Etienne Grech, fejn il-Ministru ppreżentalu tabella bl-ammont ta’ serq minn kull lokalità f’kull sena bejn l-2010 u l-2016.
It-tabella tindika li l-lokalità fost id-disa’ msemmija li kellha l-aktar rapporti kien Raħal Ġdid bit-total ikun ta’ 1,493 rapport bejn l-2010 u l-2016. Il-lokalità fost id-disa’ li kellha l-inqas rapporti kienet Santa Luċija b’140 rapport.
Meta wieħed jara l-ammont ta’ serq fuq kull sena tad-disa’ lokalitajiet f’daqqa, is-sena 2010 kellha l-ikbar ammont b’total ta’ 1,398. Is-sena bl-inqas ammont ta’ rapporti ta’ serq kienet l-2014 b’total ta’ 755.