Meta kienu qed jingħataw dettalji dwar tħawwil ta’ siġar fil-bypass tal-Mellieħa, il-Ministru għall-Ambjent, José Herrera, spjega kif mill-Ministeru tiegħu biss, permezz tal-ħidma mid-Dipartiment tal-Parks, din is-sena diġà tħawlu 6,000 siġra.
Il-Ministru Herrera qal li din is-sena se tkun qiegħda titwettaq il-wegħda elettorali fejn tinżera’ siġra għal kull wild, u saħaq li mhux talli l-Gvern żamm ma’ din il-wegħda, talli se jmur lil hinn minn hekk għaliex bix-xogħlijiet pjanati qiegħed iħares li jħawwel mat-12,000 siġra indiġena. Dan ma jinkludix tħawwil ta’ siġar minn entitajiet oħra bħall-ELC li jieħdu ħsieb it-tisbiħ tar-roundabouts madwar il-pajjiż, fost oħrajn.
Dan kollu qed isir filwaqt li jsir l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura. Fil-fatt ilbieraħ tħawlu numru ta’ siġar fil-bypass tal-Mellieħa fejn sar titjib infrastrutturali enormi.
“Illum qegħdin fil-fatt nagħtu bidu għat-tħawwil ta’ 28 siġra tal-ħarrub – ser nibdew bi 13 li qegħdin jitħawlu f’din iż-żona. Il-Gvern huwa sensittiv għall-ambjent tagħna u huwa żbaljat min jaħseb jew jipprova jagħti l-impressjoni li dan mhuwiex minnu,” qal il-Ministru għall-Infrastruttura Borg, hekk kif spjega li l-Ministeru jħares lejn kull pjan u kull proġett b’mod ħolistiku, li jinkludi strateġija ambjentali.
Hawnhekk, il-Ministru aċċena għall-polemika li nqalgħet fir-rigward tas-Central Link Project – proġett li mhu se jagħmel xejn għajr itejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti. Huwa ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed li ma jħarisx biss lejn infrastruttura tal-ogħla livell, iżda li qiegħed iħares ukoll lejn miżuri li jkollhom impatt ambjentali pożittiv, bħat-tħawwil ta’ ’l fuq minn 300 siġra biex b’hekk, proġett li beda bi 300 siġra jispiċċa b’600.
Il-Ministru Borg għalaq billi spjega li dan huwa eżempju ċar tal-mod kif isir ix-xogħol mill-Ministeru – permezz ta’ koordinazzjoni sħiħa mal-Ministeri u l-entitajiet konċernati sabiex kull proġett li jsir verament jissarraf f’ġid assolut għall-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru għall-Ambjent fiehem kif permezz ta’ diskussjonijiet bejn il-Ministeru tiegħu, il-Ministeru tal-Infrastruttura, l-ERA, il-PARKs u l-Awtorità għat-Trasport f’Malta, il-Gvern wera u se jkompli juri li huwa impenjat biex iħares l-aspett ambjentali fi proġetti maġġuri, bħalma huma l-proġetti li qegħdin jitwettqu mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. “Grazzi għal dan id-djalogu,” kompla Herrera, il-partijiet kollha waslu għal soluzzjoni sabiex in-numru ta’ siġar li hemm ħtieġa li jinqalgħu bejn il-Knisja Madonna tal-Vitorja u r-Rabat issa huwa 3, u mhux 15.
Il-proġett tal-Mellieħa tħabbar ftit qabel is-sajf u qiegħed fil-fażi finali. Huwa ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed li wassal għal żieda fis-sigurtà għal kull min juża din it-triq, bl-installazzjoni ta’ crash barriers mgħammra wkoll bil-motorcycle strips u ta’ għamla bl-ogħla standards ta’ sigurtà.
Huwa spjega kif is-sigurtà żdiedet ukoll minħabba li għall-ewwel darba din it-triq qiegħda tara sistema ta’ dawl adekwat fuq arbli b’bozoz LED li huma effiċjenti filwaqt li jipprovdu dawl xieraq għal din it-triq arterjali li tifforma parti min-network TEN-T tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk it-triq saret aktar sikura għall-ivvjaġġar matul il-lejl. Il-Ministru spjega wkoll li żdiedu l-korsiji għaċ-ċiklisti b’madwar 1.4 kilometri u żied jgħid li l-ambjent ġenerali ra titjib ukoll mhux biss minħabba l-upgrade estetika li ħadet it-triq, iżda wkoll permezz ta’ żieda fis-siġar tal-inħawi.