Aktar minn 6,000 siġill falz tal-kumpanija Liquigas ġew interċettati mid-Dwana. Din il-qabda ta’ importazzjoni f’Malta saret grazzi għall-koperazzjoni li kien hemm bejn id-Dwana mal-kumpanija Liquigas u r-rappreżentanti legali tagħha.
Sorsi li tkellmu ma’ One News qalu li min kien il-moħħ li jimporta f’Malta dawn is-siġilli foloz li setgħu jintużaw fuq iċ-ċilindri kollha tal-gass jiġifieri ta’ 12,15 kif ukoll tal-25 kilo seta’ kellu l-intenzjoni li jimla b’mod illegali ċ-ċilindri tal-gass tal-kumpanija Liquigas.
L-istess sorsi kkonfermaw li dawn is-siġilli foloz kienu ġejjin miċ-Ċina u ġew interċettati mid-Dwana u kien se jitwasslu f’Malta minn kumpanija li topera servizz ta’ posta veloċi.
One News tkellem ma’ Noel Debattista li huwa l-Operations Manager tal-kumpanija Liquigas, fejn spjega li kull siġill ta’ ċilindru tal-gass għandu ċertu dettalji speċifiċi fosthom numru partikolari li jiggarantixxi serħan il-moħħ lill-konsumatur:
“Is-siġill għandu numru li jirrapprezenta dak is-sigill partikolari- għandek ukoll il-parti minn fejn taqla s-siġill parti li hija ħamra- żigarella ħamra. Meta s-sigill huwa originali tal-liquigas il-konsumatur qed iserrah rasu li c-cilindru gie mimli fl-impjant li ghandu go Kalafrana- bil-qies kif suppost bl-ikbar safety”.
Din il-qabda tas-siġilli foloz waslet sabiex fis-suq Malti nstabu wħud minn dawn iċ-ċilindri; dan hekk kif ġie nnotat li dawn is-siġilli foloz kellhom l-istess numri mniżżel fuqhom- mentri fil-verita’ sabiex wieħed jassigura ruħu li għandu ċilindru maħruġ mingħand il-kumpanija Liquigas, is-siġill għandu jkollu numru uniku.
One News tkellem ukoll ma’ George Agius li huwa Manager id-Dwana fejn spjegalna kif bil-għajnuna tal-kumpanija Liquigass, id-Dwana tkun tista’ tipprevjeni milli l-konsumatur jixtri jew jikkonsma prodotti foloz:
“F’koperazzjoni sħiħa mal-liquigas irnexxielna inzommu milli jiġu impurtati siġilli taċ-ċilindri tal-gass domestiċi foloz- hawnhekk ahna nieħdu pjacir għax hemm toħroġ l-aspett qawwi tal-leġislatur fejn jitlob koperazzjoni sħiħa mis-soċjeta’ kummercjali mad-dwana biex flimkien ngħinu u nżommu l-affarijiet foloz milli jaslu għand il-konsumatur tagħna.”