Persuni vulnerabbli għal riskju ta’ faqar bħas-single parents ukoll qed jaraw titjieb il-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom.
Minn studju dwar il-qagħda tal-familji Maltin mħabbar iktar kmieni din il-ġimgħa jirriżulta li fost il-kategorija ta’ nies fejn hemm inqas persuni f’riskju ta’ faqar hemm proprju dik tas-single parents.
Imqabbel mal-2013 hemm 600 single parent inqas li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Din hi biss kategorija waħda minn diversi li raw titjib fis-sitwazzjoni tagħhom grazzi għall-politika tal-Gvern maħsuba biex il-ġid jilħaq lil kulħadd.
Fil-fatt, it-titjib fil-qagħda tal-familji joħroġ mill-fatt li r-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali naqset b’aktar min-nofs f’ħames snin.
Għar-raba’ sena konsekuttiva r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali kompliet tonqos biex issa laħqet 19.2%, l-anqas rata mindu beda jsir dan l-istħarriġ fl-2005. Imqabbel mal-2013, dan ifisser tnaqqis ta’ kważi ħames punti perċentwali.
Bejn l-2008 u l-2013 in-numru ta’ dawk f’qagħda vulnerabbli kien tela’ bi 18,000 persuna. Din iż-żieda qawwija kienet l-oppost tas-suppost tnaqqis ta’ 6,560 li l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien wiegħed bħala l-kontribut ta’ pajjiżna għall-istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa.
B’kuntrast, mill-bidla fil-Gvern fl-2013 in-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas b’16,000 persuna.
Fost l-aktar sezzjoni tal-popolazzjoni fejn kien hemm titjib fil-ħames snin li għaddew kien hemm dawk taħt it-18-il sena, bi tnaqqis ta’ 7,000 persuna, jew terz ta’ dawk li kienu f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-2013.
Dan jirrifletti l-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam – fost l-oħrajn it-tnaqqis qawwi fl-ammont ta’ żgħażagħ jirreġistraw, kif ukoll il-miżuri, bħat-tapering tal-benefiċċji u ċ-childcare b’xejn, li għenu biex aktar ommijiet ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu u jaqilgħu dħul adekwat. Fost dawk ta’ età li jaħdmu, kien hemm tnaqqis ta’ 17,000 persuna f’qagħda ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan ifisser tnaqqis ta’ aktar minn kwart, u jirrifletti l-fatt li naqas ħafna l-qgħad filwaqt li tjieb id-dħul tal-familji.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2017 id-dħul disponibbli tal-familja medja kien ilaħħaq €27,722. Dan ifisser żieda ta’ kważi €5,400 jew 24% meta mqabbel mal-2012. Fl-istess żmien il-familja medja affaċċjat żieda ta’ 5% fl-għoli tal-ħajja skont l-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut. Li jfisser li d-dħul tal-familja medja kiber b’madwar ħames darbiet iż-żieda li kien hemm fil-prezzijiet.
Fil-fatt il-familji Maltin qed ilaħħqu iktar mal-ħajja. Imqabbel mas-sena 2013, fl-2017 kien hemm kważi 20,500 persuna anqas li qalet li ma tistax tlaħħaq mal-kontijiet tad-dawl, mal-kirjiet jew mal-ħlasijiet tad-djun. Dan huwa tnaqqis ta’ 40%. Fl-istess ħin dawk li qalu li ma jifilħux iżommu d-dar tagħhom sħuna matul ix-xitwa naqsu b’70%.