Tlett irġiel jeħlu sitt mitt siegħa ta’ xogħol fil-komunità wara li ġew mixlija li kkawżaw ġrieħi serji lil żewġt irġiel f’Paceville f’Mejju tas-sena l-oħra.
Il-vittmi Ali Alhasan mis-Sirja u Sami Al Smadi mill-Ġordan spjegaw li ġew attakkati waqt li ppruvaw jidħlu f’diskoteka fis-sigħat bikrin tal-wieħed u għoxrin ta’ Mejju.
Alhasan stqarr li Simon Cassar waddablu flixkun imkisser filwaqt li Jurgen Sghendo imbuttah ġo bieb tal-ħġieġ.
Filmati li ġew elevati minn kameras tas-sigurtà wrew lil Al Smadi jitkellem ma’ uffiċjali tas-sigurtà meta William Briguglio tah daqqa f’rasu waqt li Mintoff tah daqqiet b’siequ u bil-ponn.
Minkejja dan il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Joe Mifsud ma sabet l-ebda evidenza li kienu qed jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà kif ġie allegat.
Apparti x-xogħol fil-komunità, il-Qorti ordnat lill-ħatja biex iħallsu ħames mija u tmienja u tmenin ewro, elfejn ewro garanzija personali u ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittmi.
Għall-akkużati dehru l-Avukati Ramona Attard, Charlon Gouder, Ryan Ellul u Andy Ellul.