Iżjed min-nofs l-istabbilimenti li huma rreġistrati bħala ristoranti jew snack bars, u li tħallew jiftħu l-bibien tagħhom min-nhar il-Ġimgħa li għadda, issa kisbu ċ-ċerifikazzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li jistgħu joperaw skont il-protokolli li niediet l-istess Awtorità.
Il-Kap Eżekuttiv Johan Buttigieg qal li sa issa ngħataw mas-sitt mitt ċertifikazzjoni li titwaħħal mal-bieb biex turi li l-istabbiliment huwa wieħed sigur.
“Qed naraw qisu żieda ta’ mija kuljum bħala ammont ta’ ristoranti. Iktar ma jgħaddi ħin iktar naraw li qed jiġu compliant ir-ristoranti. Sfidi dejjem ikun hemm anka ovvjament ċertu protokolli għalihom stess hija sfida. Jgħidulek l-ammont ta’ ndafa li hemm bżonn mhux biss fil-kċina imma barra.”
Saħaq li fl-ewwel jiem il-konkorrenza tal-istabbilimenti kienet waħda tajba ħafna.
“Ir-ristoranti qed jikkoperaw b’mod eċċezzjonali. Dan huwa proċess ta’ edukazzjoni għax fl-aħħar mill-aħħar il-protokolli qegħdin hemm imma l-iktar ħaġa importanti hi li jaħdmu skont dawn il-protokolli u qegħdin ngħinuhom jifhmu anka x’wieħed għandu jagħmel.”
Mistoqsi dwar il-prospetti għal dan is-sajf, il-Kap Eżekuttiv qed iħares lejn sajf pożittiv ħafna fiċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom bħalissa.
“Ċertu setturi ta’ lukandi u farmhouses bdejna nħossu l-ewwel sinjali pożittivi ħafna. Nassigurak li ħa jkun hemm turiżmu intern u anka ħa jkun qawwi.”
Intant fil-gżira Għawdxija, sentiment simili beda’ jkun espress hekk kif fl-ewwel tmiem il-ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti, dawn bdew jilqgħu ammont sostanzjali ta’ nies.