Rekord ta’ sitt mitt investitur jinsabu f’pajjiżna biex jattendu għall-festival tal-igaming globali SIGMA, li għas-seba’ sena, reġgħu għażlu lil Malta biex jesebixxu l-aqwa talent fis-settur.
Is-SIGMA Festival sar wieħed mill-akbar fieri tal-igaming minn madwar id-dinja u fih qed jissieħbu l-esebituri u investituturi interessati f’Malta fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain.
Dan hekk kif fl-istess fiera, li qed tittella’ fuq tliet ijiem ġewwa l-MFCC f’Ta’ Qali, qed tittella’ wkoll dik tal-AIBC, li tiġbor flimkien investituri u individwi mis-setturi tal-intelliġenza artifiċjali, blockchain, internet of things, quantum tech, u teknoloġiji emerġenti.
Dawn huma setturi diġitali li flimkien qegħdin jiddiskutu u jsawru l-futur tal-ekonomiji u l-industrija li jmiss, fuq livell globali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Operat ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti qal li f’dan il-festival qed jattendu investituri li qed iħarsu lejn Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza għall-gaming: “Hemm ħafna kumpaniji ġodda li jħarsu lejn Malta kemm min-naħa tal-igaming kif ukoll min-naħa tal-e-sports. Jiġifieri ottimisti ħafna.”
Il-Fundatur ta’ Sigma Group, Eman Pulis, stqarr li huwa ottimist ħafna mir-rispons li qed jieħu mid-delegati u l-esebituri kollha li qed jattendu għal dan il-festival: “In-nies kienu ħerqana li jiġu Malta, u ġew eluf. Għandna ’l fuq minn tnax-il elf ruħ ġewwa din il-fiera. Li għandna differenti mhux gaming biss, laqqajna magħhom it-teknoloġija emerġenti. Nies mill-blockchain, nies mill-intelliġenza artifiċjali, nies minn ħafna setturi.”
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-fiera, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri spjega li fuq aspett ekonomiku, il-Gvern qed jara li ikun hemm implimentazzjoni ta’ diversi strateġiji li ġew mnedija tliet snin ilu fejn jidħlu jidħol l-igaming, videogame development, esports, immersive technology u crypto, fost l-oħrajn.
Huwa qal, “Aħna bħala Gvern se naraw impetu ġdid biex naraw li l-ekonomija tagħna tkompli tiddiversifika u nkomplu noħolqu opportuniajiet ġodda f’niċeċ ekonomiċi li tant ħdimna fuqhom f’dawn l-aħħar snin.”