Numru ta’ xufiera tat-taxis minflok sebħu għal ġurnata tax- xogħol ta’ kuljum, bakkru kmieni biex dawwru lit-tfal tal-istitut f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.
ONE News tkellem ma’ Anthony Galea, wieħed mix-xufiera li beda din l-inizjattiva, huwa qalilna li madwar disa’ snin ilu hu u sħabu li kienu ħarġu b’din l-idea, li issa huma avvanzati fl-età, għaddew din l-inizjattiva f’idejn ix-xufiera żgħażagħ sabiex ikomplu din l-inizjattiva tant sabiħa.
“Din is-sena ilha 37 sena din is-sena. L-ewwel sena ġbarna biex nagħtu wheelchair lil min kien hemm bżonn, imbagħad bdejna noħorġu t-tfal tal-istitut.”
Anthony Galea , Xufier
Tkellimna wkoll ma’ Brian Scicluna, wieħed mill-persuni involuti fl-organizzazzjoni ta’ din l-inizjattiva, fejn qalilna li xi ħaġa sabiħa oħra li toħroġ minn dan kollu huwa li l-ulied ta’ bosta xufiera jingħaqdu ma’ dawn it-tfal biex jintegraw u jifirħu magħhom.
“Bħala xufiera ġbart kważi fuq €4,000, nirringrazzjahom minn qalbi għax x’ħin naffaċċja wiċċi magħhom ituni mil-qalb.”
Brian Scicluna , Xufier
Fl-aħħar nett tkellimna ma’ Malcolm Ciantar, li huwa l-bniedem li jmexxi l-organizzazzjoni ta’ din l-inizjattiva, fejn huwa qalilna li din il-ġurnata bdiet billi x-xufiera ġabru t-tfal mir-residenzi u baqgħu sejrin bihom f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta għal kolazzjon ta’ filgħodu, fejn hemmhekk sabu sorpriża ta’ show spettakolari fuq il-palk organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
“Mingħajr l-isponsors ma stajnix nagħmlu dan kollu iġifieri tiġi tiswa naqra mhux ħazin iżda permezz ta’ dawn l-isponsors irnexxielna nagħmluha.”
Malcolm Ciantar, Xufier
Minn hemmhekk imbagħad, it-tfal kellhom ġurnata mimlija b’attivitajiet.