Sittin fil-mija tax-xogħlijiet fuq il-Multimodal Hub fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Xħajma, fil-limiti tax-Xewkija, jinsabu lesti.
Dan il-proġett se jikkonsisti f’faċilità mifruxa fuq medda ta’ erbgħa u għoxrin elf metru kwadru ta’ art; b’nofs dan l-ispazju huwa ddedikat għal parkeġġ.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li żona li kienet mimlija skart ta’ kostruzzjoni, tiġi rriġenerata u tinbidel fi spazju għal parkeġġ ta’ tliet mitt vettura.
Wara li tlestew il-maġġoranza tax-xogħlijiet marbuta mat-tħammil, beda u tlesta wkoll ix-xogħol fuq il-piles, il-pile caps u saru wkoll il-ground beams li fuqhom se tinbena l-faċilità ta’ parkeġġ b’concrete grass pavers.
Il-parkeġġ, minbarra spazji li se jkunu ddedikati għal vetturi elettriċi u pedelecs, se jkollu wkoll terminal li minnu se jkunu qed joperaw sitt karozzi tal-linja elettriċi biex joffru servizz ta’ Park and Ride.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri fakkar li minbarra l-parkeġġ, dan il-proġett se jipprovdi wkoll faċilità ta’ rikreazzjoni u jaħseb ukoll fl-immaniġġjar tal-ilma.
Qal, “Huwa proġett li ser ikun ta’ benefiċċju għal Għawdex, proġett li se jaħseb għall-qalba fil-modalità, ta’ kif wieħed imur minn post għall-ieħor, però aktar minn hekk, se jkun proġett li apparti l-funzjoni prinċipali tiegħu ta’ Park and Ride, se jkollu żoni kbar rikreattivi u aktar minn hekk ukoll, ħażna kbira għall-ilma ta’ madwar mija u ħamsa u tletin elf metru kubu allura qed inħarsu ’l quddiem biex din is-sena stess, dan il-proġett ikun komplut.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, innota kif b’dawn il-fondi, qed ikompli jsir investiment fi proġetti li mhux biss jgħinu lill-pajjiż jilħaq il-miri ambjentali, imma jtejbu wkoll il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal, “Erbgħa punt sebgħa miljun ewro qed jintefqu minn fondi Ewropej biex ikollna areas li permezz tagħhom ikun hawn Park and Ride, ikun hawn l-użu ta’ vetturi elettriċi u karozzi tal-linja elettriċi, ikun hawn fejn jiċċarġjaw u ġibjun li se jara li jaqdi l-bżonnijiet ta’ kulħadd, u anki area rikreattiva għax il-proġetti li qed nagħmlu jolqtu mhux biss aspett wieħed tas-soċjetà imma diversi aspetti – ir-rikreazzjoni, il-bżonn li nivjaġġaw b’mod effiċjenti u ovvjament il-Park and Ride se jwassal biex it-traffiku li jkun hawn lejn Għawdex u bil-qsim bil-vapur bejn Malta u Għawdex ikun aktar faċli u komdu għal kulħadd.”
Dawn l-elementi kollha se jagħmlu dan il-proġett wieħed minn tal-ewwel tax-xorta tiegħu, li se jagħti bidu għal aktar proġetti ħodor li hemm ippjanati f’fondi Ewropej, li l-Gvern alloka għall-gżira Għawdxija.