F’din l-aħħar sena, sittin fil-mija tan-negozji f’Għawdex għamlu investiment biex ikabbru l-operat tagħhom.
Din iċ-ċifra ħarġet minn stħarriġ ippubblikat mill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex u l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, li għamlet bejn Settembru u Marzu li għadda.
L-istħarriġ, li sar ma tmenin negozju f’Għawdex, wera li aktar minn nofs in-negozji, qed jippjanaw li jkomplu jinvestu fis-sitt xhur li ġejjin, speċjalment fis-setturi tal-bejgħ bl-ingross u bl-imnut, il-kostruzzjoni, l-arti u d-divertiment, u s-servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel.
L-istess stħarriġ wera ukoll, li matul l-aħħar sena, kważi 40% tan-negozji, żdiedu n-numru ta’ nies impjegati magħhom. Nofs in-negozji, li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li qed jippjanaw li jżidu n-numru ta’ nies li qed jaħdmu magħhom fi żmien is-sitt xhur li ġejjin, speċjalment fis-setturi tat-turiżmu, il-manifattura u s-servizzi professjonali.
Iż-żieda fl-ispejjeż kienet identifikata bħala tħassib ewlieni għan-negozji, b’dan jirrifletti wkoll fl-aspettattivi tal-prezzijiet ta’ prodotti jew servizzi mixtrija; u fl-aspettattivi tal-prezzijiet ta’ prodotti jew servizzi mibjugħa.
Madanakollu, l-istħarriġ wera li 60% tan-negozji enfasizzaw li m’għandhomx l-intenzjoni li jgħollu l-prezzijiet ta’ prodotti u servizzi mibjugħa, matul is-sitt xhur li ġejjin.