Madwar 60% tal-ġenituri, li għandhom tfal adolexxenti ta’ bejn 13 u d-19-il sena jqattgħu inqas minn 5 sigħat kuljum mat-tfal tagħhom.
Dan ħareġ fi studju li sar f’dan l-aħħar xahar mill-istatistiku Dr. Vincent Marmara, bħala parti mit-tieni parti tal-kampanja Trobbija Pożittiva, li hija ffukata fuq l-adolexxenza. Din il-kampanja ta’ trobbija pożittiva hija parti mill-istrateġija nazzjonali ta’ bejn l-2016 u l-2024.
Dr. Marmara qal kif il-biċċa l-kbira tal-ġenituri li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ raw l-influwenza minn ħbieb ta’ wliedhom bħala sfida.
Dawn il-ġenituri ammontaw għal 13%.
7% tal-ġenituri li ħadu sehem fl-istudju qalu li kienu mħassbin mid-dipendenza tat-tfal fuq it-teknoloġija filwaqt li 6% tal-ġenituri qalu li jinkwetahom l-abbuż mid-drogi u l-alkoħol.
L-Istatistiku semma l-aktar ħaġa li laqtitu minn dan l-istudju.
Huwa qal: “Kemm il-ġenituri jħossuhom close mal-ġenituri tagħhom u fl-istess ħin anke li l-ġenituri li jħossuhom close ma’ wliedhom. Fejn hemmhekk ħareġ li l-maġġoranza l-kbira, maġġoranza assoluta fejn qalu li jħossuhom close mat-tfal tagħhom ħafna u anke jħossuhom close mal-ġenituri tagħhom, ħafna wkoll.”
Preżenti għal din l-evalwazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, li qal kif dan l-istħarriġ huwa r-realtà tas-soċjetà preżenti. Semma l-fatt kif dan l-istħarriġ joħroġ li 74% tal-parteċipanti għandhom wild wieħed li għandu bejn it-13 u d-19-il sena. Qal kif huwa importanti li t-tfal minn ta’ età żgħira jkunu mgħallma sew u b’mod pożittiv.
Qal kif minn dan l-istudju ħa naraw kif jeħtieġ jittieħdu azzjonijiet, sabiex jiġu indirizzati r-realtajiet tal-lum.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Il-kampanja ta’ din is-sena ffukat fuq dak li huma l-adolexxenti. Ħarġu riżultati interessanti ħafna, tara li hemm ħafna rabtiet fuq demografija, fuq addictions u dan kollu. U issa jekk Alla jrid mhux biss nagħmlu l-istudju biss u neżaminawhom, imma nibdew inwettqu wkoll.”
Iċ-Chairperson tat-Taskforce Ruth Sciberras qalet kif din il-kampanja intensiva fuq il-midja, kienet minn Marzu sa Ottubru.
Hija spjegat: “Trattajna l-adolexxenti, ir-relazzjoni tal-ġenituri mal-addolexxenti u kif din ir-relazzjoni tista’ titjieb. Għalhekk aħna bgħatna ħafna messaġġi pożittivi, kienet importanti ħafna biex dawn l-addolexxenti jħossuhom maħbubin.”