Matul is-sena li għaddiet, madwar 40,000 ċertifikat, kemm dawk tat-twelid, tal-mewt jew taż-żwieġ, ġew ordnati online permezz tas-sit ċertifikati.gov.mt.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat.
Hawnhekk intqal kif dan l-ammont ifisser li 60% taċ-ċertifikati ordnati s-sena l-oħra ġew ordanti b’mod online.
Intqal ukoll kif wieħed jista’ jordna ċertifikat bil-mod tradizzjonali, jiġifieri li jżur l-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fil-Marsa jew iżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov madwar pajjiżna.
Hawnhekk is-sena li għaddiet inqdew 8,400 persuna minn dawn iċ-ċentri.
Waqt din iż-żjara ntqal kif ir-Reġistru Pubbliku nnota wkoll żieda fin-notifikazzjonijiet li saru fil-fergħa ta’ Mater Dei.
Dan hekk kif is-sena l-oħra, 90% tat-twelid u 62% tal-imwiet f’pajjiżna ġew notifikati f’dan l-uffiċċju.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta Mark Mallia qal kif permezz tal-kollaborazzjoni ma’ servizz.gov, is-servizzi qed ikunu aktar viċin in-nies.
“Qed nippruvaw noħorġu mill-uffiċini tagħna, jiġifieri jekk wieħed ikun irid jinqeda għal xi ċertifikat, kemm taż-żwieġ, kemm tat-twelid u anki tal-mewt, jista’ jew jirrikorri f’wieħed mill-uffiċini tagħna ġewwa r-Reġistru Pubbliku ġewwa l-Marsa jew inkella llum għandna l-fakultà, ovvjament illi bniedem jista’ jinqeda minn ġewwa daru stess, billi jidħol fuq is-sit u jista’ japplika minn hemmhekk minn ġewwa l-kumdita ta’ daru, imbagħad ovvjament jirċievi ċ-ċertifikat bil-posta.”
Il-Kap Eżekuttv ta’ servizz.gov Massimo Vella faħħar din il-kollaborazzjoni, li qal kif qed twassal biex is-servizzi jitwasslu għand il-pubbliku b’mod effiċjenti.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal kif permezz ta’ din il-kollaborazzjoni aktar nies qed jintlaħqu fil-lokalitajiet u b’hekk ikun ifrankat l-iskariġġ li jmorru barra mil-lokalità tagħhom.
“Ovvjament dak li jkun jista’ jinqeda anki online u għandek ħafna konsumaturi li qegħdin jinqdew online. Min-naħa l-oħra dawk li għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux jinqdew u japplikaw għaċ-ċertifikat li jkollhom bżonn online stess, jistgħu jirrikorru f’dawn l-uffiċċji, fl-uffiċċju tagħna fil-Marsa, anki fl-uffiċċju tagħna fl-Isptar Mater Dei, sabiex qed noffru s-servizz aktar qrib il-komunità u qed nagħmlu s-servizzi tagħna ħafna aktar aċċessibli għal kulħadd.”