Il-kolp ta’ stat, jew l-attentat tiegħu, li seħħ tul il-lejl li għadda fit-Turkija fisser imwiet ta’ mawdar 60 persuna, ħafna minnhom nies ċivili. 754 suldat kien arrestat u 34 uffiċjal militar tneħħa mill-kariga tiegħu.
Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan reġa lura f’Istanbul, wara li kien evakwat biex tkun imħarsa s-sigurtà tiegħu. Imdawwar minn nies jesprimu appoġġ lejh, stqarr b’mod dirett fuq it-televiżjoni li l-armata teħtieġ titnaddaf. Il-Prim Ministru Binali Yildirim qal li s-sitwazzjoni hija kkontrollata, iżda sadanittant ordna li jiġu sparati tiri lejn aruplani li jintużaw minn dawk li pjanaw il-kolp ta’ stat.
Għadu mhux magħruf fejn jinsab il-kap tal-militar, il-Ġeneral Hulusi Akar. Aktarx li ttieħed ostaġġ minn suldati ribelli.
Minkejja rapporti li s-sitwazzjoni dalgħodu tidher li kkalmat, jibqgħu jinstemgħu tiri kull tant żmien fl-ibliet ewlenin. L-irtirar ta’ grupp ta’ 60 sulat, li tul il-lejl ħataf pont ewlieni f’Istanbul, ixxandret live fuq it-televiżjoni Torka dalgħodu.
L-ajruport ewlieni ta’ Istanbul, Ataturk, jinsab f’idejn l-armata. Titjiriet kienu mistennija jerġgħu jibdew joperaw normalment minn dalgħodu.
Fi stqarrija, il-Ministru Tork għall-affarijiet barranin qal li l-attentat ta’ kolp ta’ stat kien imwaqqaf mill-poplu Tork f’solidarjetà u għaqda ma xulxin. Sostna li l-Gvern u l-President Tork għandhom il-kontroll tal-pajjiż. Qal ukoll li l-attentat sar minn klikka fi ħdan l-armata u mhux mill-Forzi Armnati kollha.
Jibqa’ mhux magħruf min kien il-moħħ wara din il-klikka u min appoġjaha. Magħruf biss li din il-fazzjoni sejħet lilha nfisha “Peace at Home”.