Mohamed Keita, żgħażugħ ta’ 25 sena mill-Mali, li bħalissa qed jgħix il-Marsa ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li ħebb għal raġel b’sikkina.
Il-każ seħħ nhar is-7 ta’ Settembru fil-Marsa.
Keita ġie mixli wkoll li rreżista lill-Pulizija, li ġarr arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, iżda ma nstabx ħati li kkaġġuna ġrieħi ħfief lill-vittma minħabba li meta dan kien qiegħed jingħata l-għajnuna medika qal li ma kellux ġrieħi.
Fil-Qorti ntqal kif il-ġlieda nqalgħet wara li l-imputat ħaseb li l-vittma seraqlu l-mobile, b’hekk attakkah b’sikkina iżda ma laqtux.
Il-Maġistrat tal-Għassa Mare-Ann Farrugia ikkundannat lil Keita sitt xhur ħabs u mmultatu b’somma ta’ ftit aktar minn erbat’ elef ewro.
Hija rrimarkat li f’soċjetà ċivili mhuwiex aċċettabbli li minħabba suspett wieħed jieħu l-liġi b’idejh u jħebb għal terzi.