Fl-2024, il-ħaddiema Maltin se jkunu qed igawdu minn sitt ijiem addizzjonali ta’ leave.
Dan hekk kif sitt festi pubbliċi u nazzjonali se jkunu qed jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa u b’hekk se jkun hemm kumpens b’żieda korrispondenti mal-leave ta’ kull ħaddiem.
Dan il-leave addizzjonali, huwa frott riforma minn Gvern Laburista lura fl-2021 bħala parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-2017 hekk kif kien ġie mwiegħed li l-ħaddiema f’pajjiżna jingħataw lura l-festi li kienu nsterqulhom.
Fil-fatt, għal numru twil ta’ snin f’pajjiżna din il-miżura kienet f’liġi u kienet tassigura dan id-dritt soċjali għall-ħaddiema f’pajjiżna.
Madankollu, anke l-gazzetta MaltaToday, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd fakkret kif Gvern Nazzjonalista fl-2005 neħħa din il-liġi, bl-iskuża dak iż-żmien kienet biex tiżdied il-produttività.
Dan madankollu askapitu tal-ħaddiema li jekk festa kienet taqa’ fi tmiem il-ġimgħa, din effettivament kienet tfisser li jkollhom festa inqas x’igawdu barra l-post tax-xogħol.
Kellu jkun Gvern Laburista li fl-2021 jerġa’ jimplimenta din il-miżura favur il-ħaddiema biex b’hekk tkompli titwettaq ġustizzja sħiħa magħhom għall-festi misruqin minn Gvern Nazzjonalista. Dan apparti li qabel l-2021, l-istess Gvern beda jrodd lura dawn il-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa lura lill-ħaddiema b’mod gradwali, sakemm finalment il-ftehim ġie ssiġillat.
Fl-2024, il-festi ta’ San Pawl, fl-10 ta’ Frar, Jum l-Imnarja, fid-29 ta’ Ġunju, Jum l-Indipendenza fil-21 ta’ Settembru, ilkoll se jaħbtu s-Sibt, filwaqt li Jum il-Ħelsien se jaħbat f’Ħadd il-Għid.
Min-naħa l-oħra, Jum il-Vitorja fit-8 t’Ottubru, u Jum il-Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru, se jinzertaw nhar ta’ Ħadd.