Għaddejjin ix-xogħlijiet biex tkompli tissaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni fil-Ħamrun, Santa Venera u l-Imsida.
Ix-xogħlijiet li qed isiru minn Enemalta, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, wasslu għal tqegħid ta’ 6.5 kilometri ta’ cables ġodda taħt l-art, b’investiment ta’ €2.5 miljun. Dan ix-xogħol se jwassal għal konnettività aktar b’saħħitha bejn iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fl-Imrieħel u bosta substations fil-lokalitajiet tal-Ħamrun, Santa Venera u l-Imsida.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava, żaru dawn ix-xogħlijiet li jinsabu fi stadju avvanzat.

Filwaqt li rringrazzjat lill-komunitajiet ta’ dawn il-lokalitajiet għall-kollaborazzjoni tagħhom, il-Ministru Dalli spjegat kif il-proġett huwa parti mill-viżjoni wiesgħa tal-Gvern għal settur tal-enerġija aktar modern li jtejjeb il-livell tal-għajxien tal-familji u l-ħaddiema.
“Dan l-investiment kontinwu juri l-impenn tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija. Se nkomplu nsostnu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies kif ukoll l-ekonomija u l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż. L-impenn tagħna jibqa’ dak ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom. Għalhekk li, bħal Ħamrun, għaddejjin xogħlijiet f’lokalitajiet oħra biex l-Enemalta żżid ir-reżiljenza u l-flessibiltà fin-network tal-elettriku tagħha madwar Malta u Għawdex,” qalet il-Ministru Dalli.
L-Inġ. Fava spjega kif ix-xogħlijiet fil-Ħamrun qed iwasslu għal żewġ konnessjonijiet ġodda ta’ 11-il kilovolt bejn iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fl-Imrieħel u substations fil-qalba tal-Ħamrun u l-Imsida.
“Dan l-investiment ser ikun qiegħed isaħħaħ s-sistema tad-distribuzzjoni fil-Ħamrun, l-Imsida u Santa Venera. Biex innaqqsu l-inkonvenjent, flimkien ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta kkordinajna x-xogħlijiet biex f’toroq prinċipali jsir xogħol bil-lejl. Dawn ix-xogħlijiet li waslu fil-fażi finali tagħhom, mistennija li jkunu lesti qabel jibda l-istaġun tas-Sajf,” qal l-Inġ. Fava.
Huwa rringrazzja lill-ħaddiema li għaddejjin b’dawn ix-xogħlijiet importanti f’diversi lokalitajiet, kif ukoll lill-kunsill lokali, ir-residenti u n-negozji tal-koperazzjoni li sabu biex dawn ix-xogħlijiet isiru fl-inqas ħin possibbli u jitnaqqas l-inkonvenjent kemm jista’ jkun.