Fl-2015 f’Malta saru 311 ċiklu ta’ IVF, li kien ifisser żieda ta’ 82.9% fuq l-2014 fejn saru 170 ċiklu. Is-sena li għaddiet għall-ewwel darba rat l-introduzzjoni ta’ IVF b’xejn fl-isptar Mater Dei.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni għas-sena 2015, li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti dalgħodu mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Dan kien ifisser li kien hemm 256 koppja li għamlu dan it-trattament is-sena li għaddiet. Minn dawn iċ-ċikli 176 saru fl-isptar Mater Dei, filwaqt li 135 għamlu l-IVF fi klinika privata.
Mill-311 ċiklu, f’230 każ intużaw oocytes friski, filwaqt li fi 80 każ intużaw oocytes iffriżati.
Mill-230 ċiklu frisk kien hemm 94 mara li ma kelliex bajd x’tivitrifika. Kien hemm total ta’ 24 koppja li ma kellhomx embrijun x’jittrasferixxu, 50 koppja kellhom embrijun wieħed, 173 kellhom tnejn, filwaqt li 64 koppja kellhom tliet embrijuni biex jiġu trasferiti.
It-311 ċiklu ta’ IVF fisser 88 tqala, minn dawn 29 korrew, 25 welldu, filwaqt li hemm numru ta’ koppji oħrajn li għadhom qed jistennew tarbija.
B’kollox matul l-2015 twieldu 59 tarbija, 31 tifla u 28 tifel, permezz tal-proċess tal-IVF, fosthom trabi minn ċikli li saru fl-2014. 28 minn dawn it-trabi twieldu minn ċikli ta’ IVF li saru fl-2015 stess. Filwaqt li 34 omm qed tistenna tarbija minn ċikli tal-2015.
Bejn dawk li diġà welldu u dawk li jinsabu fi stadju avvanzat tat-tqala tagħhom, ir-rata ta’ twelid minn IVF għal Malta mistennija li tkun 18.9%.