Ix-xahar ta’ Ottubru tal-1962 kien ra d-dinja tersaq ferm qrib konfront globali bejn l-akbar żewġ superpotenzi fl-eqqel tal-Gwerra Bierda, li kien bla dubju jibdel id-destin tal-umanità.
Bit-trasport ta’ missili ballistiċi lejn Kuba mill-Unjoni Sovjetika, bħala parti minn wegħda tal-1960, il-livell ta’ allert kien diġà żdied.
Wara s-sejba mill-ajru ta’ dawn il-missili armati permezz ta’ ajruplani U-2, ittieħdet azzjoni drastika mill-Istati Uniti, li qieset tali moviment b’riżultat ta’ ftehim bejn il-mexxejja Nikita Khrushchev u Fidel Castro, bħala theddida serja għaliha.
It-tweġiba tal-President Amerikan John F. Kennedy waslet fil-forma ta’ mblokk navali madwar il-gżira Kubana kollha, bil-forzi Amerikani jaħtfu kull arma u materjal assoċjat.
L-ordni kienet ingħatat bħal-lum 62 sena ilu, bid-dinja tkun f’xifer ta’ gwerra nukleari biż-żieda fit-tensjonijiet bejn il-Punent u l-Lvant.
L-azzjoni tal-Amerka kienet wasslet biex, fit-28 ta’ Ottubru tal-1962, il-Mexxej Sovjetiku abbanduna l-pjani għall-armar missilistiku ta’ Kuba, waqt li l-Kennedy impenja ruħu li qatt ma jinvadi Kuba.