Is-sena li għaddiet kien hemm 58 mara Maltija li telgħu l-Ingilterra biex iwettqu abort. Dan huwa 1.1% mit-total ta’ abort li sar fir-Renju Unit minn persuni li m’humiex ċittadini ta’ dan il-pajjiż.
In-numri dwar Malta u pajjiżi oħra jirriżultaw minn rapport dettaljat tad-Dipartiment tas-Saħħa u l-uffiċċju tal-istatistika tal-pajjiż fir-Renju Unit.
L-ikbar numru ta’ barranin li marru r-Renju Unit biex iwettqu abort kien mir-Repubblik tal-Irlanda fejn bi 3,451 kien hemm 66% tal-barranin li għamlu abort li kienu ġejjin minn dan il-pajjiż. Pajjiż li bħal Malta huwa meqjus bħala wieħed kattoliku u li jopponi l-abort.
Din mhix l-ewwel darba li pajjiżna deher f’dan ir-rapport bin-numri huma meqjusa bħala mhux żgħar speċjalment meta mqabbel mal-popolazzjoni tal-pajjiż. F’Malta l-abort huwa llegali u għalkemm minn żmien għal żmien kien hemm min prova jtella’ s-suġġett fuq l-aġenda nazzjonali, dan qatt ma sar b’suċċess.
Dan fid-dawl li mhux biss iż-żewġ partiti politiċi ewlenin għandhom pożizzjoni ċara kontra l-abort, iżda anke għaliex fost parti kbira tas-soċjetà teżisti oppożizzjoni għal abort, deskritt minn ħafna bħala qtil ta’ tarbija innocent. Għalkemm hawn dejjem jinfetaħ dibattitu etiku u xjentifiku li jħares lejn il-mument meta jkun sar l-abort u anke dwar id-dritt tal-mara.
Riċentament il-Euronews għamel dokumentarju dettaljat dwar il-fatt li pajjiżna m’għandux l-abort. Fost dawk intervistat kien hemm omm Maltija li sostniet li għax għamlet abort m’għandiex titqis bħala criminal.
Qalet li hi għamlet hekk għall-erba’ tfal tagħha. “Kważi kelli 44 meta nqbadt tqila. Iddiskutejt ma’ żewġi u ddeċidejna li għall-familja tagħna u l-erba’ ulied kien ikun aħjar li ntemmu t-tqala,” qalet omm intervistata fid-dokumentarju