57 sena ilu, Malta kisbet l-Indipendenza mill-Ingliżi.
Jum li miegħu nassoċjaw ix-xena tal-ħamiem abjad itir meħlus u tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien George Borg Olivier ixejjer id-dokumenti tal-Indipendenza.
Mument li anke qarreb pass ieħor ’il quddiem biex pajjiżna seta’ jikseb il-Ħelsien fl-1979.
Illum il-ġurnata din il-ġrajja storika titfakkar permezz ta’ Festa Nazzjonali u ċelebrazzjonijiet fil-belt kapitali.
Mat-tokki tad-disgħa ta’ filgħodu, f’jum imsaħħab, dehru s-suldati tal-Gwardja tal-Unur u l-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Misraħ San Ġwann, fejn laqgħu lill-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella, lill-Prim Ministru Robert Abela u s-Sinjura Lydia Abela u lill-Kap Kmandant tal-Armata, il-Brigadier Jeffrey Curmi.
Huma ngħataw is-salut nazzjonali, filwaqt li l-President spezzjona l-Gwardja tal-Unur.
Wara ngħata bidu għal quddiesa Pontifikali bil-kant tat-Te Deum iċċelebrata mill-Arċisqof Charles Sciculna, akkumpanjat minn bosta Isfqijiet oħra u membri tal-Kleru.
Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, quddiem il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, membri miż-żewġ naħat tal-Kamra, il-Ġudikatura u l-Korp Diplomatiku, in-Nunzju Appostoliku wassal l-awguri tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku lill-poplu Malti għal din il-festa importanti.
Segwiet imbagħad iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana.
Bil-bnadar Maltin iperpru fl-isfond, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew bukketti tal-fjuri fuq il-monument. Kien hawn li l-Armata tat salut b’21 tir sparati mill-kanuni.
Iċ-ċerimonja ntemmet bil-kant tal-innu Malti, u tfakkar il-mument meta l-ġens Malti fl-1964 beda jmexxi b’mod indipendenti lil pajjiżu.