Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, tkellem għall-ewwel darba dwar każ li daħal il-Qorti dalgħodu mill-avukat Tonio Azzopardi bil-għan li tkun attakkata l-liġi l-ġdida tal-IVF.
Fisser kif dawn huma tattiċi li mhumiex ġusti u bħalissa hemm 57 mara li manuvra bħal din għalihom tfisser daqqa ta’ ħarta.
“It-timing hu stramb għax meta tgħamel kawża kostituzzjonali trid tkun għaddiet mill-istadji kollha,” qal Feanre li fisser kif il-vot se jingħata llejla.
“Fil-kawża kiteb ħafna affarijiet strambi li ma nista’ qatt nassoċja ruħi magħhom. Bħal li tfal imrobbijin minn single parent huwa diżunur… Ma nistax nimmaġina kif hemm min qed jippersisti li jweġġa’ lil uliedhom,” tenna d-Deputat Prim Ministru li ma daħalx fil-mertu tal-każ.
“Dan jidher li huwa attentat ieħor fl-aħħar sigħat biex jipprovaw iwaqqfu din il-liġi tant bżonnjuża li tant hawn nies jistennewha,” qal Fearne li hawn żvela kif madwar 60 mara li qegħdin jistennew il-proċess tal-IVF laqħu l-età ta’ 40 sena.
“Kull darba li jkun hemm min jipprova jittardja dan it-titjib lil dawn qed jikkundannahom. U għandna 57 mara li qiegħda tistenna biex tibda l-proċess tal-IVF li għandha ‘l fuq minn 40 sena,” qal Fearne li fisser kif wieħed jista’ jipprova jittardja iżda mhux iwaqqaf lill-gvern li hu magħqud u għandu mandat elettorali.
Fearne emfasizza li trid tkun irrispettata d-demokrazija.