Bejn l-2010 u l-2015 f’Malta kien hemm 57 każ ta’ tfal li ttieħdu minn pajjiżna minn ġenitur tagħhom mingħajr il-kunsens tal-ġenitur ieħor. Dawn huma kkunsidrati bħala każi ta’ ħtif. Il-kummissarju tat-tfal tenniet li dawn huma każi li jitfgħu pressjoni kbira fuq it-tfal u għalhekk hemm bżonn bidla fil-liġi biex iċ-ċkejkna jkunu mħarsa aħjar.
Pauline Miceli, kienet ikkwotata tgħid mill-KullĦadd li hemm bżonn ta’ deterrent iktar qawwi fil-liġi ta’ Malta kontra dan il-ħtif. “Dan id-deterrent jista’ jinħoloq jekk il-ħtif ta’ tfal minn ġenitur jitqies bħala reat kriminali u mhux iktar sempliċiment bħala kwistjoni ċivili bejn il-ġenituri,” qalet Miceli.
Żiedet li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jinsab f’taħditiet mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’dan is-sens. “Jidher li dawn il-każijiet huma inqas frekwenti f’Malta milli huma ġeneralment f’pajjiżi oħra,” tisħaq Miceli. “Madankollu, ebda statistika ma tista’ tfisser it-tbatija li jgħaddu minnha tfal li jisfaw vittmi ta’ dan l-aġir irresponsabbli tal-ġenituri.”
Issostni li punt ewlieni hu li dan isir mhux biss mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor iżda spiss ukoll mingħajr il-kunsens tat-tfal stess. Għalkemm, skont il-liġi, it-tfal mhumiex maturi biżżejjed biex jiddeċiedu waħedhom għall-ġid tagħhom u għalhekk għandhom bżonn l-awtorità tal-ġenituri biex jieħdu d-deċiżjonijiet. Madankollu t-tfal xorta waħda għandhom id-dritt li jesprimu ruħhom u jinstemgħu minn kull awtorità li tieħu deċiżjonijiet għalihom.
Miceli tispjega li huwa proprju dan id-dritt li jkun qed jiġi mittiefes meta tfal jinħatfu minn ġenitur lejn pajjiż ieħor.